Stampa t-test tal-qari ...


Il-Wieħed u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Aħna rridu naqdu ’l-Mulej, għax hu Alla tagħna.

Ġoż 24, 1-2a.15-17.18b

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġoż

 

F’dak iż-żmien: Ġożwè ġema’ t-tribujiet kollha ta’ Iżrael f’Sikem u sejjaħ lix-xjuħ, lill-kapijiet, lill-imħallfin, lill-uffiċjali u resqu quddiem Alla. U Ġożwè qal lill-poplu kollu: “Jekk ma jogħġobkomx taqdu l-Mulej, għażlu llum lil min tridu taqdu; jekk hux l-allat li kienu jaqdu missirijietkom lil hemm mix-xmara, jew l-allat tal-Amurrin li f’arthom qegħdin tgħammru. Imma jien u dari naqdu l-Mulej”.

 

U l-poplu kollu wieġeb u qal: “Ma jkun qatt li aħna nħallu l-Mulej biex naqdu allat oħra! Għax kien il-Mulej, Alla tagħna, li talla’ lilna u ’l missirijietna mill-art tal-Egittu, minn dar il-jasar, u li għamel quddiemna stess dawn il-ħwejjeġ kbar, u ħarisna matul it-triq kollha li minnha għaddejna u fost il-popli li minn ġo nofshom qsamna. Għalhekk aħna wkoll lill-Mulej naqdu, għaliex hu Alla tagħna”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 33 (34), 2-3.16-17.18-19.20-21.22-23

 

R/. (9a): Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej

 

Kull ħin inbierek il-Mulej;

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi;

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.

 

Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti,

u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.

Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,

biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom. R/.

 

Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;

mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.

Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,

jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija. R/.

 

Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa,

iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.

Iħarislu għadmu kollha,

ebda waħda ma titkissirlu. R/.

 

Il-ħażin ħżunitu teqirdu;

min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.

Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;

kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti. R/.

 

Qari II

Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir.

Efes 5, 21-32

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

 

Ħuti, oqogħdu għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu. Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej, għax ir-raġel hu ras il-mara, bħalma Kristu hu ras il-Knisja, is-salvatur tal-Ġisem tiegħu. Għalhekk, bħalma l-Knisja toqgħod għal Kristu, hekk ukoll in-nisa għandhom joqogħdu għal żwieġhom f’kollox.

 

Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha. U dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil tal-ilma u l-kelma u biex iressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd. Hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb ’il martu jkun iħobb lilu nnifsu. Qatt ħadd ma bagħad ’il ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għax aħna lkoll membri tal-Ġisem tiegħu.

 

Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed. Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 6, 63ċ.68ċ

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja.

Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

Ġw 6, 60-69

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù tkellem fuq il-ħobż tal-ħajja. Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?” Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom? Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel? Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja. Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux”. Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih. U ssokta jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi”.

 

Minn dakinhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh. Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?” Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu