It-Tnax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa
Qari I
Abram emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja. U l-Mulej għamel patt miegħu.
Ġen 15, 1-12.17-18
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Wara dawn il-ġrajja ġiet il-kelma tal-Mulej lil Abram f’dehra u qallu: “La tibżax, Abram! Jiena tarka għalik; ħlasek ikun kbir ħafna”. U Abram qallu: “Sidi Mulej, x’se tagħtini? Għax se nibqa’ bla tfal, u l-werriet ta’ dari se jkun Eligħeżer ta’ Damasku”. U Abram żied jgħid: “Ara, int lili ma tajtnix nisel, u qaddej dari se jiritni”.
U ara, waslitlu l-kelma tal-Mulej u qallu: “Ma jirtekx dan, imma wieħed ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, hu għad jirtek”. U ħarġu barra u qallu: “Ħares sewwa lejn is-smewwiet u għodd il-kwiekeb, jekk għandek ħila tgħoddhom”. U żied jgħidlu: “Hekk għad ikun nislek”. U hu emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja.
U qallu: “Jiena l-Mulej li ħriġtek minn Ur tal-Kaldin, biex nagħtik din l-art b’wirt”. U qallu Abram: “Sidi Mulej, kif inkun naf li se niritha?”. U wieġbu: “Ħudli għoġla ta’ tliet snin, mogħża ta’ tliet snin, muntun ta’ tliet snin, gamiema u ħamiema”.
U ħadlu dawn kollha, u qasamhom min-nofs, u kull nofs qiegħdu biswit l-ieħor; imma l-għasafar ma qasamhomx. U niżlu l-għasafar tal-priża għal fuq l-iġsma mejtin, imma Abram gerrixhom lura. Hi u nieżla x-xemx waqa’ fuq Abram ngħas qawwi, u waqgħu fuqu biża’ u dalma kbira. Meta x-xemx kienet niżlet u kien dalam, kenur idaħħan u lsien nar iżiġġ qasmu minn bejn il-bċejjeċ tal-laħam.
Dakinhar il-Mulej għamel patt ma’ Abram u qallu:
“Lil nislek nagħti din l-art,
mix-xmara tal-Eġittu
sax-xmara l-kbira, ix-xmara tal-Ewfrat”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 104 (105), 1-2.3-4.6-7.8-9
R/. (8a): Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu
Faħħru l-Mulej u xandru ismu,
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.
Għannulu u doqqulu,
xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha. R/.
Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;
tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej.
Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu,
fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu. R/.
Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,
ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,
Jaħweh hu Alla tagħna!
Mal-art kollha l-ġudizzji tiegħu! R/.
Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,
fil-kelma li ta għal elf nisel,
fil-patt li għamel ma’ Abraham,
fil-wegħda li ħalef lil Iżakk. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 15, 4a.5b
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom, jgħid il-Mulej;
min jibqa’ fija jagħmel ħafna frott.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Mill-frott tagħhom tagħrfuhom.
Mt 7, 15-20
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iftħu għajnejkom mill-profeti foloz; għax dawn jiġu għandkom libsin ta’ nagħaġ, u minn ġewwa jkunu lpup ħattafa! Mill-frott tagħhom tagħrfuhom. Jaqaw jiġbru għeneb mix-xewk, jew tin mill-għollieq? Hekk kull siġra tajba frott tajjeb tagħmel, imma s-siġra l-ħażina frott ħażin tagħmel. Siġra tajba ma tistax tagħmel frott ħażin, anqas siġra ħażina ma tagħmel frott tajjeb. Kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Għalhekk mill-frott tagħhom tagħrfuhom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu