Stampa t-test tal-qari ...


It-Tmien Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Jien ma ninsiek qatt.

Is 49, 14-15

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Sijon kienet tgħid: “Ħallieni l-Mulej, Sidi nsieni”.

Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha,

u ma tħennx għal bin ġufha?

Imqar jekk din tinsa,

jien ma ninsiek qatt!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 61 (62), 2-3.6-7.8-9ab

 

R/. (6a): F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi

 

F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi:

mingħandu tiġini s-salvazzjoni.

Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi,

hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni. R/.

 

F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi,

għax mingħandu tiġini t-tama.

Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi,

hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni. R/.

 

F’Alla s-salvazzjoni u l-ġieħ tiegħi,

hu l-blata qawwija tiegħi, u l-kenn tiegħi f’Alla.

Ittama fih f’kull żmien, o poplu;

iftħu qalbkom quddiemu. R/.

 

Qari II

Il-Mulej jikxef il-fehmiet mistura tal-qlub.

1 Kor 4, 1-5

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, in-nies għandhom iħarsu lejna bħala ministri ta’ Kristu u amministraturi tal-misteri ta’ Alla. Issa barra minn dan, l-amministraturi wieħed jistenniehom li jkunu fidili. Iżda ngħid għalija, ftit li xejn jimpurtani li nkun iġġudikat minnkom jew minn xi tribunal tal-bnedmin; anqas jiena stess ma niġġudika lili nnifsi. Tassew li jiena stess ma nħoss xejn fuq il-kuxjenza tiegħi; iżda mhux b’daqshekk jien iġġustifikat; hu l-Mulej li jiġġudikani. Għalhekk tiġġudikawx qabel il-waqt sa ma jiġi l-Mulej; hu għad joħroġ għad-dawl dak li hu moħbi fid-dlam, u jikxef il-fehmiet mistura tal-qlub. U mbagħad kull wieħed jieħu mingħand Alla t-tifħir li jkun jistħoqqlu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lhud 4, 12

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija,

u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Toqogħdux tħabblu raskom għall-għada.

Mt 6, 24-34

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.

 

Għalhekk ngħidilkom: tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’tixorbu, anqas għal ġisimkom x’se tilbsu. Jaqaw il-ħajja m’hijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies? Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom?

 

U min minnkom, bl-inkwiet kollu tiegħu, se jseħħlu jtawwal għomru mqar b’jum wieħed biss? U għall-ilbies għalfejn tinkwetaw ruħkom? Ħarsu lejn il-ġilji tal-għelieqi, kif jikbru! U la jitħabtu u lanqas jinsġu. Madankollu, ngħidilkom, anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom.

 

Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta’ fidi ċkejkna! Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu: “X’se nieklu? X’se nixorbu? X’se nilbsu?”, għax dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani. Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh. Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll. Mela toqogħdux tħabblu raskom

għall-għada, għax il-jum ta’ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu