Stampa t-test tal-qari ...

Għall-Quddies tas-Sibt filgħaxija fittex il-Qari tal-Ħadd minn hawn ...


26 ta’ Jannar

San Titu u San Timotju, isqfijiet

Tifkira obbligatorja

 

Qari I

2 Tim 1: 1-8

 

Bidu tat-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

 

Pawlu, bir-rieda ta’ Alla appostlu ta’ Kristu Ġesù skont il-wegħda tal-ħajja li hi fi Kristu Ġesù, lil Timotju, iben għażiż: grazzja, ħniena u sliem mingħand Alla l-Missier u mingħand Kristu Ġesù, Sidna. Irroddu ħajr lil Alla, li lilu nqim b’kuxjenza safja bħal missirijieti, hekk kif niftakar fik bla heda fit-talb tiegħi, lejl u nhar. Meta niftakar fid-dmugħ tiegħek għalija, tiġini x-xewqa li narak biex nimtela bil-ferħ.

 

Niftakar fil-fidi vera tiegħek, fidi li l-ewwel kienet ta’ nanntek Lojd u ta’ ommok Ewnike, u li ma għandi ebda dubju li hi fik ukoll. Minħabba f’hekk infakkrek biex tħeġġeġ fik id-don ta’ Alla, li jinsab fik bit-tqegħid ta’ jdejja; għax Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan. Mela tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna, anqas minħabba fija, priġunier tiegħu, imma bati miegħi għall-Evanġelju, bil-qawwa ta’ Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

95

 

R/. Xandru fost il-popli kollha l-għeġubijiet tal-Mulej!

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għannu lill-Mulej fl-art kollha!

Għannu lill-Mulej, bierku ismu! R/.

 

Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,

agħtu lill-Mulej sebħ u setgħa,

agħtu lill-Mulej is-sebħ ta’ ismu! R/.

 

Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”.

Tassew, id-dinja twaqqfet biex qatt ma titħarrek.

Huwa jiġġudika l-popli bis-sewwa. R/.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

Lq 4: 18

 

R/. Hallelujah

Il-Mulej ikkonsagrani biex inwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin,

bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Lq 10: 1-9

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien: Il-Mulej qabbad tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien sejjer hu. U qalilhom: “Il-ħsad hu kbir, tassew, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela ’l sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup.

 

Teħdux magħkom, la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu ’l ħadd. Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu, ‘Sliem lil din id-dar.’ U jekk fiha jkun hemm bin is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġgħalkom lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru mingħand familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda tagħha, u lin-nies għidulhom, ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom.’”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.