Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħamsa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Kull min hemm fostkom mill-poplu tal-Mulej, ħa jitla’ Ġerusalemm, u jibni t-tempju tal-Mulej.

Esd 1, 1-6

 

Qari mill-Ktieb ta’ Esdra

 

Fl-ewwel sena ta’ Ċiru, sultan tal-Persja, biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej minn fomm Ġeremija, il-Mulej qanqal lil Ċiru, sultan tal-Persja, biex joħroġ proklama fis-saltna tiegħu kollha, saħansitra bil-miktub, li tgħid: “Hekk jgħid Ċiru s-sultan tal-Persja: “Il-Mulej, Alla tas-smewwiet, tani s-saltniet kollha tal-art, u qabbadni nibnilu tempju f’Ġerusalemm, belt ta’ Ġuda. Kull min hemm fostkom mill-poplu kollu tiegħu, ħa jkun miegħu Alla tiegħu! Ħa jitla’ Ġerusalemm, belt ta’ Ġuda, u jibni t-tempju tal-Mulej, Alla ta’ Iżrael. Hu Alla li qiegħed Ġerusalemm. U kull min fadal mill-poplu tiegħu, qiegħed fejn qiegħed, ħa jgħinuh in-nies tal-post b’fidda, deheb, ġid, bhejjem, u offerti oħra minn rajhom lit-tempju ta’ Alla, li hemm

f’Ġerusalemm””.

 

Il-kapijiet ta’ djar missirijiethom ta’ Ġuda u ta’ Benjamin, il-qassisin u l-Leviti, u dawk kollha li Alla qanqalhom, qamu għalhekk biex jitilgħu Ġerusalemm ħa jibnu t-tempju tal-Mulej hemmhekk. Barra kull xorta ta’ offerti li għamlu minn rajhom, dawk kollha li kienu joqogħdu madwarhom tawhom ukoll kull xorta ta’ offerti ta’ fidda u deheb, ġid u bhejjem, u offerti ta’ valur kbir.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 125 (126), 1-2ab.2ċd-3.4-5.6

 

R/. (3a): Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

 

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,

konna qisna mitlufa f’ħolma;

imbagħad bid-daħk imtela fommna,

u bl-għajjat ta’ ferħ ilsienna. R/.

 

Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:

“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom”.

Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

U aħna bil-ferħ imtlejna. R/.

 

Biddel, Mulej, xortina

bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ

jaħsdu bl-għana ta’ ferħ. R/.

 

Huma u sejrin, imorru jibku,

iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b’għana ta’ ferħ,

iġorru l-qatet f’idejhom. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 5, 16

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin,

biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom

u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-musbieħ iqiegħduh fuq l-imnara, biex kull min jidħol ġewwa jara d-dawl.

Lq 8, 16-18

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-folla: “Ħadd ma jixgħel musbieħ u jgħattih b’għatu jew iqiegħdu taħt sodda, imma jqiegħdu fuq l-imnara, biex kull min jidħol ġewwa jara d-dawl. Għax ma hemm xejn moħbi li ma għadx jidher, u xejn ma hemm mistur li ma għadx jingħaraf u jinġieb għad-dawl. Mela oqogħdu attenti kif tisimgħu! Għax min għandu, jingħatalu; u min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li jaħseb li għandu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu