Stampa t-test tal-qari ...


It-Tnax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Il-Mulej ħeles lill-imsejken minn id il-ħżiena.

Ġer 20, 10-13

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

 

F’dak iż-żmien, Ġeremija qal:

Ma nismax ħlief taqsis il-kotra;

biża’ madwari kollu!

“Ixluh! Ħa nixluh!”.

Jgħajtu saħansitra ħbiebi kollha,

ifittxu l-qerda tiegħi: “Għandu mnejn jitqarraq u negħlbuh;

ta’ kollox nitħallsu minnu!”.

Il-Mulej miegħi bħal raġel qalbieni,

għalhekk dawk li jagħmlu għalija

jogħtru, ma jagħmlu xejn,

jitħawdu bis-sħiħ, għax ħsiebhom ma jseħħx;

għajb għalihom li ma jintesa qatt.

Int, Mulej tal-eżerċti, li ġġarrab il-ġust,

li tara l-ġewwieni u l-qalb,

ħallini nara l-vendetta tiegħek kontrihom,

għax f’idejk ħallejt il-kawża tiegħi.

Għannu lill-Mulej, faħħru lill-Mulej,

għaliex ħajjet l-imsejken ħelisha minn id il-ħżiena.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 68 (69), 8-10.14.17.33-35

 

R/. (14ċ): Fil-kobor ta’ tjubitek weġibni, O Alla

 

Minħabba fik qiegħed nilqa’ t-tmaqdir,

u l-mistħija tiksili wiċċi.

Sirt barrani għal ħuti,

ulied ommi ma jagħrfunix.

Għax il-ħeġġa għal darek fnietni,

it-tagħjir ta’ min jgħajjar lilek waqa’ fuqi. R/.

 

Imma jien lilek nitlob, Mulej;

meta jogħġbok, o Alla, weġibni,

fil-kobor ta’ tjubitek

u skond il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.

Weġibni, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek;

dur lejja fil-kobor tal-ħniena tiegħek. R/.

 

Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;

u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,

ma jistmellx l-imjassrin tiegħu.

Ifaħħruh is-sema u l-art,

l-ibħra u kull ma jitħarrek fihom. R/.

 

Qari II

Id-don mhuwiex bħall-ħtija.

Rum 5, 12-15

 

Qari mill-ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, kien permezz ta’ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu.

 

Kienet għadha ma waslitx il-Liġi, id-dnub kien ġa fid-dinja: imma d-dnub ma kienx magħdud, ladarba Liġi ma kienx hemm. Madankollu l-mewt saltnet ukoll minn Adam sa Mosè, mqar fuq dawk li ma waqgħux fid-dnub li fih kien waqa’ Adam, li kien xbieha ta’ dak li kellu jiġi.

 

Imma d-don mhuwiex bħall-ħtija. Għax jekk permezz ta’ ħtija waħda mietet il-kotra, aktar u aktar issa l-grazzja ta’ Alla u d-don mogħti bil-grazzja ta’ bniedem wieħed li hu Ġesù Kristu, xterdu bil-bosta fuq il-kotra.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 15, 26b.27a

 

Hallelujah R/. Hallelujah

L-Ispirtu tal-verità jixhed għalija, jgħid il-Mulej;

u intom ukoll tixhdu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Tibżgħux minn dawk li joqtlu lill-ġisem.

Mt 10, 26-33

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu:La tibżgħux millbnedmin. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut. U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem flinfern.

 

Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt. Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu