Stampa t-test tal-qari ...


Is-Seba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

L-Imħallef qiegħed quddiem il-bieb.

Ġak 5, 9-12

 

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

 

Tgergrux kontra xulxin, ħuti, biex ma tkunux iġġudikati: araw, l-Imħallef qiegħed hawn, quddiem il-bieb! Bħala eżempju tat-tbatija u s-sabar, ħuti, ħudu l-profeti li tkellmu f’isem il-Mulej. Dawk li żammew sħiħ sal-aħħar, araw, aħna nqisuhom bħala hienja. Smajtu bis-sabar ta’ Ġob, u tafu kif bl-għajnuna tal-Mulej hu għalaq jiem ħajtu; għax il-Mulej jaf jagħder, u hu ħanin bil-bosta. Imma fuq kollox, ħuti, la taħilfux, u la bis-sema u la bl-art, u tieħdu ebda ġurament ieħor; iżda ħallu l-”iva” tagħkom ikun iva, u l-le” tagħkom ikun le, biex hekk ma tkunux ikkundannati.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 102 (103), 1-2.3-4.8-9.11-12

 

R/. (8a): Ħanin u twajjeb il-Mulej

 

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek bit-tieba u l-ħniena. R/.

 

Ħanin u twajjeb il-Mulej,

idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.

Ma joqgħodx jitlewwem magħna,

u anqas jinkorla għal dejjem. R/.

 

Daqskemm huma s-smewwiet ‘il fuq mill-art,

hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu;

daqs kemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,

hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 17, 17b.a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma tiegħek hi l-verità;

qaddisna permezz tal-verità.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.

Mk 10, 1-12

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù 1telaq minn Kafarnahum u mar fl-art tal-Lhudija u ’l hemm mill-Ġordan, u n-nies mill-ġdid inġabret madwaru; u hu, kif kienet id-drawwa tiegħu, raġa’ qabad jgħallimhom.

 

Resqu xi Fariżej lejh, u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?”. Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha”. Imbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara. Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”.

 

Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u

tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu