Stampa t-test tal-qari ...


It-Tieni Ħadd tar-Randan

 

Qari I

Is-sagrifiċċju ta’ missierna Abraham.

Ġen 22, 1-2.9a.10-13.15-18

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

F’dak iż-żmien, Alla ried iġarrab lil Abraham u qallu: “Abraham!”. U hu wieġbu: “Hawn jien!” U qallu: “Aqbad lil ibnek il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta’ Morija, u hemm offrih b’sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se ngħidlek”. U waslu fil-post li kien semmielu Alla. U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu. U sejjaħlu l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: “Abraham, Abraham!” U dan wieġbu: “Hawn jien”. U qallu:La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara; għax issa naf li inti tibża’ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni”.

 

U Abraham rafa’ għajnejh, ta ħarsa madwaru, u ra muntun warajh maqbud minn qrunu fil-friegħi. U Abraham mar u qabad il-muntun, u offrieh b’sagrifiċċju tal-ħruq minflok ibnu. U għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet u qallu: “Naħlef fuq ruħi – oraklu tal-Mulej – la darba int għamilt ħaġa bħal din, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni, jien imbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar; u nislek għad jiret bwieb l-għedewwa tiegħu. U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art talli smajt minn kelmti”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 115 (116), 10.15-19

 

R/. (9): Jien nimxi quddiem il-Mulej f’art il-ħajjin

 

Bqajt nemmen, imqar meta għedt:

“Jien imdejjaq ħafna!”

Għażiża f’għajnejn il-Mulej

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu. R/.

 

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek,

jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi.

Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,

u isem il-Mulej insejjaħ. R/.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,

quddiem il-poplu tiegħu kollu,

fil-btieħi ta’ dar il-Mulej,

ġo nofsok, Ġerusalemm! R/.

 

Qari II

Alla lanqas lil ibnu stess ma ħafirha.

Rum 8, 31b-34

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna? Hu, li lanqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu? Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom. Min se jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta’ Alla, hu li jidħol għalina.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mk 9, 7

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Minn ġos-sħaba kollha dawl instama’ leħen il-Missier jgħid:

“Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu”.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Dan hu Ibni l-għażiż.

Mk 9, 2-10

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom.  Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù.

 

Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.

 

Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”. Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.

 

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser tqum mill-imwiet.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu