Stampa t-test tal-qari ...


25 ta’ Jannar

Il-Konverżjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl

Festa

 

Qari I

Atti 22: 3-16

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, Pawlu qal lill-poplu: “Jiena Lhudi; twelidt f’Tarsu taċ-Ċiliċja, imma trabbejt f’din il-belt f’riġlejn Gamaljel u tħarriġt bir-reqqa fil-ħarsien tal-Liġi ta’ missirijietna; jien mimli ħeġġa għal Alla, kif ukoll intom ilkoll illum.

 

Jien ħadtha sal-mewt kontra min qabad din it-Triq tal-Mulej, u rbatt u tfajt il-ħabs irġiel u nisa, kif jista’ jixhidli l-qassis il-kbir u l-Kunsill kollu tax-Xjuħ. Kien mingħandhom li jien ħadt ittri għal ħutna, u mort Damasku biex lil dawk ukoll li kienu hemm inġibhom marbutin Ġerusalemm u jkunu ikkastigati. Imma jien u sejjer, kif kont qrib Damasku, f’daqqa waħda għall-ħabta ta’ nofsinhar dawl kbir mis-sema idda madwari.

 

Waqajt mal-art u smajt leħen jgħidli, ‘Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?’ Jien weġibt, ‘Min int, Mulej?’ U hu qalli, ‘Jien Ġesù ta’ Nazaret, li int qiegħed tippersegwitah.’ Dawk li kienu miegħi raw id-dawl, imma ma semgħux il-leħen ta’ min kien ikellimni. Imbagħad jien għidt, ‘X’għandi nagħmel, Mulej?’ U l-Mulej qalli, ‘Qum u mur Damasku. Hemm jgħidulek kulma għandek tagħmel.’ Billi ma stajtx nara minħabba d-dija ta’ dak id-dawl, mexxewni minn idi dawk li kienu miegħi, u hekk wasalt Damasku. Hemmhekk kien hemm wieħed, jismu Ħananija, raġel sewwa skont il-Liġi, li kellu fama tajba mal-Lhud kollha li kienu joqogħdu hemm; ġie għandi, resaq fuqi u qalli, ‘Sawl, ħija, ħu d-dawl.’ Dak il-ħin stess bdejt nara u nħares lejh.

 

Imbagħad hu qalli, ‘Alla ta’ missirijietna għażlek biex tagħraf ir-rieda tiegħu, tara lil dak li hu l-Ġust u tisimgħu jkellmek b’fommu stess. Għax int għad trid tixhed għalih quddiem il-bnedmin kollha fuq dak li rajt u smajt. U issa x’int tistenna? Qum! Tgħammed u nħall minn dnubietek, int u ssejjaħ ismi.’”

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

jew

Atti 9: 1-22

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

Sawl, li kien għadu bil-qawwa kollha jhedded bil-mewt lid-dixxipli tal-Mulej, mar għand il-qassis il-kbir u talbu jagħtih ittri għas-sinagogi ta' Damasku, biex ikun jista' jaqbad l-irġiel u n-nisa kollha li jsib miexja fit-Triq tal-Mulej u jeħodhom marbuta Ġerusalemm. Huwa u sejjer, kif qorob lejn Damasku, f'daqqa waħda idda madwaru dawl mis-sema. Waqa' fl-art, u sama' leħen jgħidlu: "Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?" Hu wieġeb: "Min int, Mulej?" u l-leħen wieġbu: "Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah. Imma issa qum u idħol il-belt, u hemmhekk jgħidulek x'għandek tagħmel." Dawk li kienu sejrin miegħu baqgħu mbikkma, billi kienu semgħu l-leħen imma ma raw lil ħadd. Sawl qam mill-art, fetaħ għajnejh u ma sata' jara xejn. Mbagħad mexxewh minn idu u wassluh Damasku. Dam tlitt ijiem ma jarax, u la kiel u lanqas xorob.

 

F'Damasku kien hemm dixxiplu, jismu Ħananija. Deherlu l-Mulej u qallu: "Ħananija!" "Hawn jien, Mulej," wieġeb. U l-Mulej qallu: "Qum u mur fit-triq li jgħidulha d-Dritta, u hemm, fid-dar ta' Ġuda, staqsi għal wieħed minn Tarsu, jismu Sawl. Dan qiegħed jitlob, u ra f'dehra wieħed, jismu Ħananija, dieħel ħdejh u jqegħedlu idejh fuqu biex jerġa' jieħu d-dawl." Ħananija wieġeb: "Mulej, jien smajt mingħand ħafna fuq dan ir-raġel, kemm għamel ħsara lill-qaddisin tiegħek f'Ġerusalemm. U issa qiegħed hawn bis-setgħa mingħand il-qassisin il-kbar biex jarresta lil dawk kollha li jsejjħu ismek." Iżda l-Mulej wieġbu: "Mur, għax dan ir-raġel hu għodda magħżula minni biex iwassal ismi quddiem il-ġnus u s-slaten u quddiem ulied Iżrael. Jien stess għad nurih kemm irid ibati minħabba f'ismi." Ħananija telaq lejn id-dar ta' Ġuda, daħal, qiegħed idejh fuq Sawl u qallu: "Sawl, ħija, il-Mulej Ġesù, li deherlek fit-triq inti u ġej hawn, bagħatni biex terġa' tieħu d-dawl u timtela bl-Ispirtu s-Santu." F'daqqa waħda waqa' bħal qxur minn għajnejh u raġa' beda jara. Mbagħad qam u tgħammed, kiel xi ħaġa, u ħa r-ruħ.

 

U malajr beda jxandar lil Ġesù fis-sinagogi u jgħid li dan hu l-Iben ta' Alla. Kull min kien jisimgħu kien jistagħġeb u jgħid: "Dan m'huwiex dak li f'Ġerusalemm kien iħarbat lil dawk li jsejjħu dan l-isem? U m'hux għalhekk ġie hawn? M'hux biex jaqbadhom u jeħodhom marbuta għand il-qassisin il-kbar?" Imma Sawl kull ma jmur kien jissaħħaħ u kien iħawwad lil-Lhud li kienu joqogħdu Damasku bil-provi li kien iġibilhom li Ġesù hu l-Messija.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

 

Salm Responsorjali

116

 

R/. Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-tajba!

 

Faħħru l-Mulej, ġnus kollha,

sebbħuh, popli kollha! R/.

 

Għaliex qawwija hi l-grazzja tiegħu għalina,

il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem. R/.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

Ġw 15: 16

 

R/. Hallelujah

Jien għażiltkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott

u l-frott tagħkom jibqa’, jgħid il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mk 16: 15-18

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien: Ġesù wera ruħu lill-Ħdax, u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-tajba lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva, iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma l-mirakli li jsieħbu ’l dawk li jemmnu: f’Ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.