Stampa t-test tal-qari ...

Għall-Quddies tal-Vġili tat-Twelid ta' Sidna Ġesu' Kristu minn hawn ...

Għall-Quddies ta' Nofsillejl tat-Twelid ta' Sidna Ġesu' Kristu minn hawn ...


24 ta’ Diċembru

Quddiesa ta’ filgħodu

 

Qari I

Is-saltna ta’ David tibqa’ għal dejjem quddiem il-Mulej.

2 Sam 7, 1-5.8b-12.14a.16

 

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel

 

Meta s-sultan David mar joqgħod f’daru, u l-Mulej serrħu mill-għedewwa kollha ta’ madwaru, is-sultan qal lil Natan il-profeta: “Issa, ara jiena qiegħed f’dar taċ-ċedru, u l-arka ta’ Alla qiegħda f’nofs ta’ tinda”. U qal Natan lis-sultan: “Kulma għandek fi ħsiebek li tagħmel, mur agħmlu, għax il-Mulej miegħek”. Imma dak il-lejl stess ġiet il-kelma tal-Mulej lil Natan u qallu: Mur għid lill-qaddej tiegħi David: “Dan jgħid il-Mulej: Se tibnili int dar biex noqgħod fiha? Ara, jiena ħadtek mill-mergħat minn wara l-imrieħel biex tkun prinċep fuq il-poplu tiegħi Iżrael. Dejjem kont miegħek f’kulma kont tidħol għalih; u meta int qridt l-għedewwa tiegħek kollha minn quddiemek. Issa jiena nibnilek isem kbir jixbah l-ismijiet il-kbar li hawn fid-dinja. Nagħmel post għall-poplu tiegħi Iżrael, u nqiegħdu hemm fejn jgħammar bla biża’, u ma jgħakksuhx iżjed il-ħżiena bħalma għamlu sa minn dejjem, jiġifieri sa minn meta qajjimt l-imħallfin fuq il-poplu tiegħi Iżrael; u nserrħek mill-għedewwa tiegħek kollha. Lilek imbagħad il-Mulej jagħtik kelma li jibnilek dar. U meta inti ttemm żmienek, u tkun striħajt ma’ missirijietek, jiena nqajjem nislek warajk, nisel ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, u nsaħħaħ is-saltna tiegħu. Jiena nkun għalih missier, u hu jkun għalija iben. Il-familja tiegħek u s-saltna tiegħek jibqgħu sħaħ għal dejjem quddiemi. It-tron tiegħek jibqa’ sħiħ għal dejjem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 88 (89), 2-3.4-5.27 u 29

 

R/. (ara 2a): It-tieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni

 

It-tieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni;

f’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.

Għax jien għedt: “Tjubitek tibqa’ sħiħa għal dejjem;

bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek”. R/.

 

Għamilt patt mal-magħżul tiegħi,

ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:

Jien nagħmel li nislek jibqa’ għal dejjem,

li f’kull żmien jibqa’ sħiħ it-tron tiegħek”. R/.

 

Hu jsejjaħli: “Int missieri

u Alla tiegħi, fortizza u salvazzjoni tiegħi!”

It-tieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem,

u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ”. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

O Xemx tielgħa,

dija tad-dawl ta’ dejjem u xemx tal-ġustizzja,

ejja u dawwal lil dawk

li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa.

Lq 1, 67-79

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Żakkarija, missier Ġwanni, imtela bl-Ispirtu s-Santu u beda jħabbar u jgħid:

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael,

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni

f’dar David qaddej tiegħu,

bħalma wiegħed fl-imgħoddi b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna,

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna:

li jagħtina l-grazzja li, wara li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna,

naqduh bla biża’, tul ħajjitna kollha,

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha.

U int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-aktar Għoli,

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu

u tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni permezz tal-maħfra ta’ dnubiethom,

mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna,

li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa;

u jdawwal lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt,

u jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu