Stampa t-test tal-qari ...

Għall-Quddies tal-Vġili tat-Twelid ta' Sidna Ġesu' Kristu minn hawn ...

Għall-Quddies ta' Nofsillejl tat-Twelid ta' Sidna Ġesu' Kristu minn hawn ...


Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent

 

Qari I

It-tron tiegħek jibqa’ sħiħ għal dejjem.

2 Sam 7, 1-5.8b-12.14a.16

 

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel

 

Meta s-Sultan David mar joqgħod f’daru, u l-Mulej serrħu mill-għedewwa kollha ta’ madwaru, is-sultan qal lil Natan il-profeta: “Issa, ara jien qiegħed f’dar taċ-ċedru, u l-arka ta’ Alla qiegħda f’nofs ta’ tinda!”.

 

U qal Natan lis-sultan: “Kull ma għandek fi ħsiebek li tagħmel, mur agħmlu, għax il-Mulej miegħek”. Imma dak il-lejl stess ġiet il-kelma tal-Mulej lil Natan u qallu: Mur għid lill-qaddej tiegħi David: Dan jgħid il-Mulej: Se tibnili int dar biex noqgħod fiha? Ara, jiena ħadtek mill-mergħat minn wara l-imrieħel biex tkun prinċep fuq il-poplu tiegħi Iżrael. Dejjem kont miegħek f’kull ma kont tidħol għalih; u meta int qridt l-għedewwa tiegħek kollha minn quddiemek. Issa jiena nibnilek isem kbir jixbah l-ismijiet il-kbar li hawn fid-dinja. Nagħmel post għall-poplu tiegħi Iżrael, u nqiegħdu hemm fejn jgħammar bla biża’, u ma jgħakksuhx iżjed il-ħżiena bħalma għamlu sa minn dejjem, jiġifieri sa minn meta qajjimt l-imħallfin fuq il-poplu tiegħi Iżrael; u nserrħek mill-għedewwa tiegħek kollha. Lilek imbagħad il-Mulej jagħtik kelma li jibnilek dar. U meta inti ttemm żmienek, u tkun striħajt ma’ missirijietek, jiena nqajjem nislek warajk, nisel ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, u nsaħħaħ is-saltna tiegħu. Jiena nkun għalih missier, u hu jkun għalija iben. Il-familja tiegħek u s-saltna tiegħek jibqgħu sħaħ għal dejjem quddiemi. It-tron tiegħek jibqa’ sħiħ għal dejjem.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 89 (89), 2-5.27.29

 

R/. (2): It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni

 

F’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.

Għax jien għedt:

“Tjubitek tibqa’ sħiħa għal dejjem;

bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek”. R/.

 

Għamilt patt mal-magħżul tiegħi,

ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:

Jien nagħmel li nislek jibqa’ għal dejjem,

li f’kull żmien jibqa’ sħiħ it-tron tiegħek”. R/.

 

Hu jsejjaħli: Int missieri

u Alla tiegħi, fortizza u salvazzjoni tiegħi!’.

It-tjieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem,

u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ”. R/.

 

Qari II

Il-misteru li kien moħbi fis-skiet tal-eternità issa ġie rrivelat.

Rum16, 25-27

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, lil Alla li għandu l-qawwa

li jwettaqkom fl-Evanġelju li nħabbar jien,

jien u nxandar lil Ġesù Kristu,

skont ir-rivelazzjoni tal-misteru

li kien moħbi fis-skiet tal-eternità;

lil dan li Alla issa rrivelalna dan il-misteru,

u għarrfu lill-ġnus bil-kitba tal-Profeti,

skont l-ordni tiegħu, Alla ta’ dejjem,

biex iwassalhom għall-ubbidjenza tal-fidi;

lil dan Alla, waħdu fl-għerf, il-glorja għal dejjem ta’ dejjem

b’Ġesù Kristu. Ammen.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 1, 38

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej:

ħa jsir minni skont kelmtek!

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Int se tnissel fi ħdanek u jkollok iben.

Lq 1, 26-38

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”.

 

Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru, u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu”.

 

Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?”. Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, l-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

 

Imbagħad qalet Marija: “Ara, jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu