Stampa t-test tal-qari ...


Id-Disgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Il-misteru ta’ Kristu ġie rrivelat: il-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt.

Efes 3, 2-12

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

 

Ħuti, jekk, kif tassew ġara, intom smajtu bil-pjan tal-grazzja li Alla tani għall-ġid tagħkom, jiġifieri, li permezz ta’ rivelazzjoni għarrafni l-misteru, bħalma ġa ktibtilkom fil-qosor. Minn dak li qrajtu tistgħu tifhmu sewwa kemm jiena dħalt fil-qalb tal-misteru ta’ Kristu. Dan hu l-misteru li fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija ma kienx mgħarraf lill-bnedmin bħalma issa ġie rrivelat lill-appostli qaddisa tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu, jiġifieri, li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri tal-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù permezz tal-Evanġelju. Ta’ dan l-Evanġelju jiena sirt ministru skont id-don tal-grazzja li Alla tani, skont is-setgħa tal-qawwa tiegħu. Lili, l-iżgħar fost il-qaddisin kollha, ingħatatli din il-grazzja li nxandar fost il-pagani l-Evanġelju tal-għana ta’ Kristu, għana li ebda moħħ ma jista’ jifhmu, u li noħroġ għad-dawl quddiem kulħadd kif Alla temm il-pjan tal-misteru, li kien moħbi sa minn dejjem f’Alla li ħalaq kollox. B’hekk l-għerf ta’ Alla, għerf ta’ kull xorta ta’ mezzi, ikun issa mgħarraf permezz tal-Knisja lill-Prinċpijiet u lis-Setgħat tas-sema, skont il-pjan li hu kien fassal sa minn dejjem fi Kristu Ġesù Sidna. Bih aħna għandna l-ħila nersqu permezz tal-fidi tagħna fih.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Iż 12, 2-3.4bċd.5-6

 

R/. (3): Kollkom ferħana timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni

 

Ara, Alla s-salvazzjoni tiegħi,

jiena nittama u ma jkollix mniex nibża’.

Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,

għalija sar is-salvazzjoni. R/.

 

Kollkom ferħana timlew l-ilma

mill-għejun tas-salvazzjoni.

Roddu ħajr lill-Mulej, sejħu ismu,

għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu,

xandru li ismu huwa fl-għoli. R/.

 

Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;

ħa jkun dan magħruf mal-art kollha.

Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f’Sijon,

għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 24, 42a.44

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ishru, mela, u kunu lesti,

għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu.

Lq 12, 39-48

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem”.

 

Qallu Pietru: “Mulej, din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?”. Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan. Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh. Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu: “Sidi jiddawwar ma jiġi”, u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, irġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor; sid dak il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li mhumiex fidili. U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’. Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu