Stampa t-test tal-qari ...


Is-Seba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Il-ħlas tal-ħaddiema li żammejtuhulhom qiegħed jgħajjat kontra tagħkom u l-biki tagħhom wasal f’widnejn il-Mulej tal-eżerċti.

Ġak 5, 1-6

 

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

 

Ejjew issa, intom l-għonja, ibku u ixhru fuq l-għawġ li ġej fuqkom! Ġidkom tħassar, ħwejjiġkom kilithomlkom il-kamla. Id-deheb u l-fidda tagħkom rabbew is-sadid, u s-sadid tagħkom għad jixhed kontra tagħkom u jiklilkom ġisimkom bħan-nar. Ħżintu l-ġid fl-aħħar jiem! Ara, il-ħlas tal-ħaddiema li ħasdu l-għelieqi tagħkom – ħlas li intom żammejtuhulhom bil-qerq – qiegħed jgħajjat kontra tagħkom, u l-biki ta’ dawk li ħasdu wasal f’widnejn il-Mulej tal-eżerċti. Fuq l-art għextu fix-xalar u l-lussu; qgħadtu tissemmnu għall-jum tal-qatla. Intom ikkundannajtu l-ġust, qtiltuh għax ma jistax jiqfilkom!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 48 (49), 14-15b.15ċd-16.17-18.19-20

 

R/. (Mat 5, 3): Henjin il-foqra fl-ispirtu,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet

 

Din xortih min jittama fih innifsu;

hekk jintemm min jitgħaxxaq bi frugħatu.

Bħan-nagħaġ lejn l-imwiet mexjin,

il-mewt tkun ir-ragħaj tagħhom. R/.

 

Dritt lejn il-qabar jinżlu,

jintemmu fl-imwiet bla ġieħ ta’ xejn.

Imma lili Alla jifdili ħajti,

mis-setgħa tal-imwiet żgur jaħtafni. R/.

 

Tibżax meta xi ħadd jistagħna,

meta joktor il-ġieħ ta’ daru.

Għax xejn ma jieħu f’mewtu,

ġieħu ma jinżilx warajh. R/.

 

Imqar jekk f’ħajtu jħoss ruħu hieni,

u jgħid li jfaħħruh għax jgħaddiha tajjeb;

imur ukoll mal-ġemgħa ta’ missirijietu,

li qatt aktar ma jaraw id-dawl. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 1 Tess 2, 13

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ilqgħu l-kelma ta’ Alla, mhux bħala kelma ta’ bniedem,

iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja, milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern.

Mk 9, 41-50

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesů qal lid-dixxipli tiegħu: Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu. Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar. U jekk idek hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja, milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex. U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja, milli tinxteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern. U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna ta’ Alla milli tinxteħet b’għajnejk it-tnejn fl-infern, fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex. Għax kulħadd ikun immellaħ bin-nar. Tajjeb il-melħ; iżda jekk il-melħ jaqta’, biex terġgħu tagħtuh it-togħma tiegħu? Fittxu li jkollkom melħ fikom infuskom u li tgħixu fis-sliem bejnietkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu