Stampa t-test tal-qari ...


Is-Sitt Ġimgħa tal-Għid

L-Erbgħa

 

Qari I

Dak li intom tqimuh bla ma tagħrfuh, inħabbarhulkom jien

Atti 17, 15.22 – 18, 1

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, dawk li marru ma’ Pawlu wassluh sa Ateni. Imbagħad reġgħu lura, bl-ordni għal Sila u Timotju biex imorru ħdejh mill-aktar fis. Imbagħad Pawlu, wieqaf f’nofs l-Arjopagu, qabad jitkellem: “Irġiel ta’ Ateni, qiegħed nara li intom f’kollox nies mill-aktar reliġjużi. Jien u għaddej u nħares lejn ix-xbihat qaddisa tal-qima tagħkom, sibt ukoll altar b’din il-kitba fuqu: “Lil alla mhux magħruf”. Għalhekk, dak li intom tqimuh bla ma tagħrfuh, inħabbarhulkom jien. Alla, li għamel id-dinja u kulma fiha, u li hu sid is-sema u l-art, ma joqgħodx f’tempji maħduma bl-idejn, anqas ma jqimuh b’offerti minn idejn il-bniedem bħallikieku kienet tonqsu xi ħaġa, hu, li jagħti lil kulħadd il-ħajja u n-nifs u kollox. Minn bniedem wieħed għamel il-ġens kollu tal-bnedmin biex jgħammru fuq wiċċ l-art kollha, u qassmilhom bil-qjies iż-żminijiet u t-truf tal-art fejn għandhom jgħammru; u dan għamlu biex huma jfittxu lil Alla u forsi jħossuh b’idejhom u jsibuh; u tassew, hu mhuwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna. Aħna fih ngħixu, nitħarrku u aħna; u, kif qalu xi wħud mill-poeti tagħkom: “Aħna tassew nisel tiegħu”. Mela ladarba aħna nisel ta’ Alla, ma għandniex naħsbu li hu jixbah lid-deheb jew lill-fidda jew lill-ħaġar, qisu xbieha ġejja minn sengħet u moħħ il-bniedem. Alla għalaq għajnejh sakemm il-bnedmin kienu għadhom ma jafux; issa għarrafhom li kulħadd għandu jindem, hu fejn hu. Għax hu għażel jum li fih għandu jagħmel ħaqq ġust mid-dinja permezz ta’ bniedem li ħatru hu; u ta’ dan kollu ta prova quddiem kulħadd billi lilu qajmu mill-imwiet”.

 

Malli semgħu kliemu fuq il-qawmien mill-imwiet, xi wħud minnhom bdew jidħku; iżda oħrajn qalu: “Nerġgħu nisimgħuk fuq dan darb’oħra”. Hekk Pawlu ħareġ minn ġo nofshom. Imma xi wħud issieħbu miegħu u emmnu; fost dawn kien hemm ukoll Djonisju l-Arjopagita u waħda mara jisimha Damari u oħrajn magħhom. Wara dan, Pawlu ħalla Ateni u mar Korintu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 148, 1-2.11-12ab.12ċ-13a.13bċd-14

 

R/. Is-smewwiet u l-art mimlija bil-glorja tiegħek

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Faħħru l-Mulej mis-smewwiet,

faħħruh fl-ogħla smewwiet!

Faħħruh, anġli tiegħu kollha,

faħħruh, eżerċti tiegħu kollha! R/.

 

Is-slaten tal-art u l-ġnus kollha,

il-kbarat u l-imħallfin kollha tal-art,

iż-żgħażagħ u x-xbejbiet ukoll,

ix-xjuħ flimkien mat-tfal:

ħa jfaħħru isem il-Mulej. R/.

 

Għax ismu waħdu l-għoli,

sebħu ’l fuq mill-art u s-sema!

Hu għolla l-qawwa tal-poplu tiegħu;

dan hu t-tifħir għal ħbiebu kollha,

għal ulied Iżrael, il-poplu għażiż tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 16

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jien nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor

biex jibqa’ magħkom għal dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

L-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha.

Ġw 16, 12-15

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni. Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu