Stampa t-test tal-qari ...


It-Tieni Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Kristu offra sagrifiċċju darba għal dejjem, meta offra lilu nnifsu.

Lhud 7, 25 – 8, 6

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Ħuti, Kristu jista’ jsalva għalkollox ’il dawk li bih jersqu lejn Alla, ladarba hu jibqa’ għal dejjem ħaj biex jidħol għalihom. Dan hu, tabilħaqq, il-qassis il-kbir li kien jgħodd għalina: qaddis, innoċenti, safi, maqtugħ mill-midinbin, merfugħ ’il fuq mis-smewwiet; li ma għandux bżonn, bħall-qassisin il-kbar l-oħra, joffri kuljum is-sagrifiċċju, l-ewwel għad-dnubiet tiegħu stess, imbagħad għad-dnubiet tal-poplu. Dan hu għamlu darba għal dejjem, meta offra lilu nnifsu. Għax il-Liġi tqiegħed bħala qassisin il-kbar bnedmin li huma dgħajfa; iżda l-kelma tal-ġurament, li ġiet wara l-Liġi, tqiegħed Iben, li ġie magħmul perfett għal dejjem.

 

Din hi issa l-aqwa ħaġa li rridu ngħidu: li aħna għandna qassis hekk kbir li qagħad fuq il-lemin tat-tron tal-kobor ta’ Alla fis-sema, ministru tas-santwarju u tat-tabernaklu veru li hu magħmul mill-Mulej u mhux mill-bnedmin. Kull qassis isir biex iressaq l-offerti u joffri s-sagrifiċċji; jeħtieġ għalhekk li dan ukoll ikollu xi ħaġa x’joffri. Issa, li kieku Kristu kien fuq l-art ma kien ikun qassis xejn, billi fuq l-art hawn qassisin li jressqu l-offerti skont il-Liġi. Dawn jaqdu santwarju li hu xbieha u dell ta’ dak tas-sema, skont ma Alla qal lil Mosè meta dan kien wasal biex iwaqqaf it-tabernaklu: “Qis li tagħmel kollox fuq il-mudell li wrejtek fuq il-muntanja”. Issa l-ministeru li kiseb Kristu hu daqshekk aqwa minn dak tal-imgħoddi daqs kemm hu aqwa l-patt li tiegħu huwa l-medjatur, għaliex hu patt mibni fuq wegħdiet aqwa.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 39 (40), 7-8a.8b-9.10.17

 

R/. (ara 8a u 9a). Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek

 

Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti;

imma widnejja inti ftaħtli;

ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.

Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej”. R/.

 

“Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi

li nagħmel ir-rieda tiegħek.

Alla tiegħi, dan jogħġobni;

il-liġi tiegħek ġewwa qalbi”. R/.

 

Xandart il-ġustizzja

f’ġemgħa kbira;

xufftejja ma żammejthomx magħluqa.

Mulej, dan inti tafu. R/.

 

Jithennew u jifirħu bik

dawk kollha li jfittxuk;

jgħidu dejjem: “Kbir il-Mulej!”

dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 2 Tim 1, 10

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,

u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

L-ispirti ħżiena kienu jgħajtu: “Int l-Iben ta’ Alla!”

Iżda hu kien jordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien.

Mk 3, 7-12

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq flimkien mad-dixxipli tiegħu għan-naħa tal-baħar, u kotra kbira mill-Galilija marret warajh; u mil-Lhudija, minn Ġerusalemm, mill-Idumija, min-naħa l-oħra tal-Ġordan, u mill-inħawi ta’ Tir u Sidon, kotra kbira ta’ nies, li semgħu b’kulma kien għamel, marru ħdejh.

 

Hu qal lid-dixxipli tiegħu biex iżommulu dgħajsa mħejjija fil-qrib minħabba l-kotra, biex ma jagħfsux fuqu; għax billi kien fejjaq ħafna nies dawk kollha li kellhom xi mard kienu jrossu fuqu biex imissuh.

 

U l-ispirti ħżiena kull darba li kienu jilmħuh, kienu jinxteħtu fl-art quddiemu u jaqbdu jgħajtu: “Int l-Iben ta’ Alla!”. Iżda hu kien jordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu