Stampa t-test tal-qari ...


Id-Disgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Offru ruħkom lil Alla bħala nies li reġgħu mill-mewt għall-ħajja.

Rum 6, 12-18

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Għeżież, tħallux, mela, li d-dnub isaltan fuq dan il-ġisem tagħkom li jmut u toqogħdu għall-ġibdiet tiegħu; anqas ma għandkom tħallu l-membri ta’ ġisimkom isiru għodda biex tagħmlu l-ħażen għas-servizz tad-dnub; imma offru ruħkom lil Alla bħala nies li reġgħu mill-mewt għall-ħajja ħalli l-membri ta’ ġisimkom isiru għodda biex tagħmlu t-tajjeb għas-servizz ta’ Alla għall-ġustizzja tagħkom. Għax lilkom id-dnub ma għandux jaħkimkom, ladarba m’intomx tgħixu taħt il-Liġi, imma taħt il-grazzja.

 

X’nagħmlu, mela? Ladarba m’aħniex taħt il-Liġi imma taħt il-grazzja, allura għandna nidinbu? Ma jkun qatt! Ma tafux li jekk intom toffru ruħkom lil xi ħadd b’ilsiera biex tobduh, ta’ min tobdu tkunu l-ilsiera, kemm jekk dan ikun id-dnub, li jwassal għall-mewt, u kemm jekk tkun l-ubbidjenza li twassal għall-ġustifikazzjoni?

 

Imma niżżu ħajr lil Alla: intom kontu lsiera tad-dnub, imma issa obdejtu minn qalbkom dik il-kwalità ta’ tagħlim li ngħatalkom biex timxu fuqu; infdejtu minn taħt id-dnub, imma tjassartu għall-ġustizzja.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 123 (124), 1-3.4-6.7-8

 

R/. (8a): L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej

 

Li ma kienx il-Mulej magħna

– ħa jgħid hekk Iżrael –

li ma kienx il-Mulej magħna,

meta qamu għalina n-nies,

ħajjin kienu jibilgħuna,

meta nxtegħlu bl-għadab għalina. R/.

 

L-ilma kien jgħerriqna,

il-wied kien jgħaddi minn fuqna;

minn fuqna kien jgħaddi mewġ tal-ilma qawwi.

Imbierek il-Mulej,

li ma telaqniex priża għal snienhom. R/.

 

Ħajjitna bħal għasfur ħelset mix-xbiek tan-nassaba.

Ix-xibka tqattgħet, u aħna ħrabna.

L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej,

li għamel is-sema u l-art. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 24, 42a.44

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ishru, mela, u kunu lesti,

għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu.

Lq 12, 39-48

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem”.

 

Qallu Pietru: “Mulej, din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?”. Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan.

 

Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh. Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu: “Sidi jiddawwar ma jiġi”, u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, irġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor; sid dak il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li mhumiex fidili.

 

U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’. Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu