Stampa t-test tal-qari ...


It-Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

It-talba tal-umli tinfed is-sħab.

Sir 35, 12-14.16-18

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

 

Il-Mulej hu mħallef,

u ma jħarisx lejn l-uċuħ.

Ma joqgħodx iħares lejn wiċċ dak li jkun b’dannu tal-fqir,

u jagħti widen għat-talba tal-magħkus.

Ma jagħlaqx widnejh għat-talba bil-ħniena tal-iltim,

jew tal-armla li tibki xortiha.

Min jaqdi mill-qalb lil Alla jintlaqa’,

u t-talba tiegħu titla’ m’ogħla s-sħab.

It-talba tal-umli tinfed is-sħab,

u ma toqgħodx bi kwietha qabel tasal qrib il-Mulej,

u ma tiqafx qabel mal-Għoli jagħti widen,

u jagħti raġun lill-ġusti u jagħmel ħaqq.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 33, 2-3.17-18.19 u 23

 

R/. (7a): Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu

 

Kull ħin inbierek il-Mulej;

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi;

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu! R/.

 

Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,

biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.

Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;

mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom. R/.

 

Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,

jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.

Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;

kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti. R/.

 

Qari II

Hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja.

2 Tim 4, 6-8. 16-18

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

 

Għażiż, demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi wasal. Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-Jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu. Fl-ewwel difiża tiegħi ħadd ma kien miegħi; kulħadd ħallieni. Jalla ma jkunx magħdud kontrihom! Imma l-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-kelma tixxandar sal-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha. Hekk jien sfajt meħlus minn ħalq l-iljun. Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni, sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-sema. Glorja lilu għal dejjem ta’ dejjem! Ammen.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

2 Kor 5, 19

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla kien li ħabeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,

u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-pubblikan niżel id-dar iġġustifikat.

Lq 18, 9-14

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola:Żewġt irġiel, wieħed fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu: “O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kulma ndaħħal”. Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: “O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!”. Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu