Stampa t-test tal-qari ...


Is-Seba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Intom ma tafux x’għad isir għada. Għalhekk għandkom tgħidu: “Jekk il-Mulej irid”.

Ġak 4, 13-17

 

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

 

Għeżież, issa nkellmu lilkom, intom li tgħidu: “Illum jew għada mmorru f’din jew dik il-belt u nqattgħu sena hemmhekk, nixtru u nbigħu u nagħmlu l-flus”, u intom ma tafux x’għad isir għada! Għax x’inhi ħajjitkom? Intom bħal fwar li jidher għal ftit u mbagħad jgħib. Flok ma tgħidu: “Jekk il-Mulej irid, ngħixu u nagħmlu dan jew dak”, tiftaħru bil-frugħat tagħkom! Kull ftaħir bħal dan huwa ħażen. Jekk mela xi ħadd jagħraf it-tajjeb li għandu jagħmel u ma jagħmlux, jagħmel dnub.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 48 (49), 2-3.6-7.8-10.11

 

R/. (Mat 5, 3): Henjin il-foqra fl-ispirtu,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet

 

Isimgħu dan, popli kollha;

agħtu widen, intom ilkoll li tgħixu fid-dinja;

kemm iż-żgħar u l-kbar tal-poplu,

kemm il-għonja u kemm il-fqar. R/.

 

Għax għandi nibża’ mill-jiem ħżiena,

meta jdur għalija l-ħażen ta’ dawk li jonsbuni?

F’ġidhom it-tama tagħhom;

jiftaħru bil-kotra tal-għana tagħhom. R/.

 

Ħadd ma jista’ jifdi lilu nnifsu,

jew jagħti lil Alla l-prezz tal-fidwa tiegħu.

Għoli wisq il-prezz ta’ ħajtu,

qatt ma jkun biżżejjed,

biex wieħed jgħix għal dejjem

u ma jara qatt il-qabar. R/.

 

Jara mqar l-għorrief imutu,

l-iblah u l-belhieni lkoll jintemmu,

u lil ta’ wrajhom iħallu ġidhom. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 6

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid il-Mulej.

Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.

Mk 9, 38-40

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġwanni qal lil Ġesù: Mgħallem, wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna”. Imma Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu