Stampa t-test tal-qari ...


Is-Sitt Ġimgħa tal-Għid

It-Tlieta

 

Qari I

Emmen fil-Mulej Ġesù, u ssalva int u l-familja tiegħek.

Atti 16, 22-34

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, il-folla tal-Filippin qamet kontra Pawlu u Sila; il-maġistrati ċarrtulhom ħwejjiġhom u ordnaw li jsawtuhom bil-bsaten. Wara li tawhom xebgħa sewwa, tefgħuhom il-ħabs, u taw ordni lill-għassies biex iħarishom tajjeb. Kif irċieva ordni bħal din, l-għassies tefagħhom il-ħabs, ’il ġewwa nett, u qaflilhom saqajhom f’ċipp tal-injam.

 

Għall-ħabta ta’ nofs il-lejl Pawlu u Sila bdew jitolbu u jfaħħru ’l Alla bl-innijiet, u l-ħabsin jisimgħuhom. F’daqqa waħda sar terremot hekk kbir li s-sisien tal-ħabs theżżu, minnufih il-bibien kollha nfetħu beraħ u nħall l-irbit ta’ kulħadd.

 

Kif l-għassies stenbaħ u ra l-bibien tal-ħabs miftuħa beraħ, silet is-sejf u kien se jneħħi ħajtu b’idejh, għax stħajjel li l-ħabsin kienu ħarbu. Imma Pawlu għajjat b’leħen għoli u qallu: “Tagħmel ebda ħsara lilek innifsek, għax aħna lkoll hawn”. L-għassies talab id-dawl, daħal jiġri, u mriegħed bil-biża’ nxteħet f’riġlejn Pawlu u Sila. Imbagħad ħariġhom barra u qalilhom: “Sinjuri, x’għandi nagħmel biex insalva?”. Huma weġbuh: “Emmen fil-Mulej Ġesù, u ssalva int u l-familja tiegħek”. U ħabbrulu l-kelma tal-Mulej, lilu u lil dawk kollha li kienu f’daru.

 

Dak il-ħin stess billejl, l-għassies ħadhom miegħu, ħaslilhom il-ġrieħi, u bla telf ta’ żmien tgħammed hu u niesu kollha. Imbagħad tellagħhom id-dar tiegħu, għamlilhom mejda, u feraħ man-nies kollha ta’ daru talli kien emmen f’Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 137 (138), 1-2a.2bċ-3.7ċ-8

 

R/. (7ċ): Mulej, il-leminija tiegħek issalvani

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,

għaliex int smajt kliem fommi.

Quddiem l-allat irrid ngħannilek.

B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek. R/.

 

Irroddlok ħajr għat-tieba u l-fedeltà tiegħek,

għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.

Meta sejjaħtlek, int weġibtni,

kattarli l-qawwa f’ruħi. R/.

 

Il-leminija tiegħek issalvani.

Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.

It-tieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;

la titlaqx għemil idejk! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 16, 7.13

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Nibagħtilkom l-Ispirtu tal-verità, jgħid il-Mulej,

u jwassalkom għall-verità kollha.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom.

Ġw 16, 5-11

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Issa sejjer għand dak li bagħatni, u ħadd minnkom ma jistaqsini: “Fejn sejjer?”. Imma għax għedtilkom dan, qalbkom imtliet bin-niket. Madankollu, ngħidilkom is-sewwa, jaqblilkom li jiena mmur; għaliex, jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħathulkom. U meta huwa jiġi, juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub, il-ġustizzja u l-ġudizzju. Id-dnub, filli huma ma jemmnux fija; il-ġustizzja, filli jien sejjer għand il-Missier, u intom m’intomx se tarawni iżjed; il-ġudizzju, filli l-Prinċep ta’ din id-dinja huwa ġa kkundannat”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu