Stampa t-test tal-qari ...

Għall-Quddies tas-Sibt filgħaxija fittex il-Qari tal-Ħadd minn hawn ...


Is-Sitt Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Permezz tal-fidi li aħna nemmnu kif Alla ħoloq id-dinja bil-kelma tiegħu.

Lhud 11, 1-7

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Ħuti, il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx. In-nies tal-imgħoddi għoġbu lil Alla sewwasew għax kellhom il-fidi. Hu permezz tal-fidi li aħna nemmnu kif Alla ħoloq id-dinja bil-kelma tiegħu, hekk li minn dak li ma narawx sar dak li jidher.

 

Kien permezz tal-fidi li Abel offra lil Alla sagrifiċċju aħjar minn ta’ Kajjin, sagrifiċċju li bis-saħħa tiegħu kiseb xhieda li hu kien raġel ġust, u Alla tah xhieda tad-doni tiegħu; u b’dik il-fidi hu għadu jsamma’ leħnu għad li miet.

 

Kien minħabba fil-fidi tiegħu li Ħenok ittieħed minn fostna hekk li hu l-mewt ma rahiex; ma nstabx iżjed, għax Alla kien ħadu. U tassew, qabel ma ttieħed kien kiseb xhieda li hu kien għoġob lil Alla.

 

Mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla. Għax kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Alla jeżisti u li hu jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh. Kien minħabba fil-fidi tiegħu li Noè, mgħarraf minn Alla dwar ħwejjeġ li kienu għadhom ma jidhrux, mimli b’biża’ qaddis bena arka biex isalva l-familja tiegħu; u b’dik ilfidi kkundanna d-dinja u sar werriet tal-ġustizzja li tinkiseb bis-saħħa tal-fidi.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 144 (145), 2-3.4-5.10-11

 

R/. (ara 1b): O Alla, irrid inbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem

 

Kuljum irrid inbierkek,

u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.

Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru bil-bosta,

bla tarf il-kobor tiegħu. R/.

 

Nisel lil nisel isebbaħ għemilek,

u s-setgħa tiegħek ixandru.

Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru,

u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu. R/.

 

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mk 9, 6

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Minn ġos-sħaba nstama’ leħen il-Missier jgħid:

“Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu!”

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Tbiddel quddiemhom.

Mk 9, 2-13

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fiddinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù. Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.

 

Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu!”. Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.

 

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw, qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser tqum mill-imwiet.

 

Staqsewh u qalulu: “Għaliex jgħidu l-kittieba li l-ewwel għandu jiġi Elija?”. Weġibhom: “Tassew, l-ewwel għandu jiġi Elija, u jerġa’ jqiegħed kollox f’postu. Mela kif inhu miktub fuq Bin il-bniedem li għandu jbati ħafna u jkun imżeblaħ? Imma ngħidilkom: Elija ġa ġie, u huma ġiebu rwieħhom miegħu kif għoġobhom, bħalma hemm miktub fuqu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu