Id-Disgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis
Qari I
Tniżżlu l-għeruq tagħkom fl-imħabba u fuqha tibnu ħajjitkom biex timtlew bil-milja kollha ta’ Alla.
Efes 3, 14-21
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, jiena ninżel għarkupptejja quddiem il-Missier li minnu tieħu isimha kull familja fis-sema u fl-art, biex skont l-għana tal-glorja tiegħu, jagħtikom li bil-qawwa tiegħu permezz tal-Ispirtu tiegħu, tissaħħu fil-bniedem ta’ ġewwa, u li Kristu jgħammar f’qalbkom permezz tal-fidi, biex tniżżlu l-għeruq tagħkom fl-imħabba u fuqha tibnu ħajjitkom. B’hekk tkunu tistgħu tifhmu, flimkien mal-qaddisin kollha, x’inhu l-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond tal-imħabba ta’ Kristu; tagħrfu kemm din l-imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf, biex timtlew bil-milja kollha ta’ Alla.
Lil dak Alla li, bis-setgħa tiegħu li taħdem fina, għandu l-qawwa li jagħmel kollox bil-wisq iżjed milli aħna nistgħu nitolbu jew naħsbu, lilu l-glorja fil-Knisja u permezz ta’ Kristu Ġesù, għal kemm itulu ż-żminijiet, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 32 (33), 1-2.4-5.11-12.18-19
R/. (5b): Bit-tieba tal-Mulej mimlija l-art
Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;
jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.
Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;
għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi. R/.
Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.
Il-fehma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem,
minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta’ moħħu.
Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,
il-poplu li hu għażel b’wirtu. R/.
Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tieba tiegħu,
Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Fil 3, 8-9
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena ngħodd kollox bħala telf u knis,
biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ma ġejtx inġib il-paċi fid-dinja, imma l-firda.
Lq 12, 49-53
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ! Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda; għax mil-lum ’il quddiem ħamsa minn nies f’dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta; jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu