Stampa t-test tal-qari ...


L-Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Gidgħon jeħles lil Iżrael. Mhux jien bgħattek?

Imħ 6, 11-24a

 

Qari mill-Ktieb tal-Imħallfin

 

F’dak iż-żmien, l-anġlu tal-Mulej ġie u qagħad taħt il-balluta li hemm f’Għofra, li hi ta’ Gowas l-Abigħeżri; u ibnu Gidgħon kien qiegħed jidres il-qamħ fil-magħsar biex jeħilsu mill-aktar fis mill-Midjanin. U deherlu l-anġlu tal-Mulej u qallu: “Il-Mulej miegħek, raġel qalbieni!”. U Gidgħon qallu: “Imma għidli, Sidi, jekk il-Mulej magħna għaliex ġralna dan kollu? Fejn huma l-opri l-kbar li kienu jgħidulna bihom missirijietna, u qalulna: “Ma tellagħniex mill-Eġittu l-Mulej?”. U issa għala l-Mulej telaqna u rħiena f’idejn il-Midjanin?”

 

Il-Mulej dar lejh u qallu: “Mur u eħles b’din il-qawwa tiegħek lil Iżrael mill-ħakma ta’ idejn Midjan. Mhux jien bgħattek?”. U Gidgħon wieġbu: “Iddew, Sidi, biex se neħles lil Iżrael? Ara, il-familja tiegħi hi l-inqas waħda fit-tribù ta’ Manassi, u jien iż-żgħir f’dar missieri”. U l-Mulej wieġbu: “Jiena nkun miegħek! Int tidrob il-Midjanin, bħallikieku kienu raġel wieħed”.

 

U wieġbu: “Jekk jien sibt ħniena f’għajnejk, agħmilli sinjal li inti qiegħed tkellimni. Twarrabx minn hawn sa ma nerġa’ niġi ħdejk u nġib l-offerta tiegħi u noffrihielek”. U dak wieġbu: “Jien noqgħod hawn sa ma tiġi”.

 

U Gidgħon mar u ħejja gidi u ħa efa dqiq u għamilha ftajjar bla ħmira; il-laħam qiegħdu f’qoffa u l-meraq qiegħdu f’borma, u ġibhomlu quddiemu taħt il-balluta. U l-anġlu tal-Mulej qallu: “Ħu l-laħam u l-ftajjar, u qegħedhom fuq din il-blata u sawwab il-meraq. U hekk għamel. Imbagħad l-anġlu tal-Mulej medd tarf il-ħatar, li kellu f’idu, u mess bih il-laħam u l-ftajjar, u ħareġ in-nar mill-blata, u ħaraq il-laħam u l-ftajjar, u l-anġlu tal-Mulej għab minn quddiemu.

 

U Gidgħon ra li kien l-anġlu tal-Mulej u qal: “Ah, Sidi Mulej! Rajt jien l-anġlu tal-Mulej wiċċ imb wiċċ”. U l-Mulej qallu: “Sliem għalik, la tibżax! M’intix se tmut”. 24Gidgħon imbagħad bena artal lill-Mulej u sejjaħlu: “Jahweh – sliem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 84 (85), 9.11-12.13-14

 

R/. (9b): Il-Mulej is-sliem ixandar, għall-poplu u l-ħbieb tiegħu

 

Ħa nisma’ xi jgħid Alla;

il-Mulej is-sliem ixandar,

għall-poplu u l-ħbieb tiegħu,

u għal dawk li jafdaw fih. R/.

 

It-tieba u l-fedeltà jiltaqgħu,

il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.

Il-fedeltà mill-art tinbet,

u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.

 

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,

u artna tagħti l-frott tagħha.

Il-ġustizzja quddiemu timxi,

u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

2 Kor 8, 9

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Sidna Ġesù Kristu, li kien għani, ftaqar minħabba fikom,

sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet.

Mt 19, 23-30

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tassew ngħidilkom li l-għani se jsibha iebsa biex jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet! Iva, nerġa’ ngħidilkom, eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet”.

 

Id-dixxipli stagħġbu ħafna meta semgħu dan, u qalu: “Mela min jista’ jsalva?”. Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun; għal Alla kollox jista’ jkun”.

 

Imbagħad qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk; issa x’se jmissna?”. Ġesù qalilhom: “Tassew ngħidilkom, intom li ġejtu warajja, fid-dinja l-ġdida, meta Bin il-bniedem joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu, intom ukoll toqogħdu fuq tnax-il tron u tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Iżrael. U kull min iħalli ’l daru jew ’il ħutu jew ’il missieru jew ’l ommu jew ’l uliedu jew ir-raba’ tiegħu minħabba f’ismi, jerġa’ jirċievi kollox għal mitt darba iktar, u jieħu b’sehmu l-ħajja ta’ dejjem. U ħafna li huma tal-ewwel jiġu l-aħħar, u tal-aħħar jiġu l-ewwel”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu