Stampa t-test tal-qari ...

Għall-Quddies tas-Sibt filgħaxija fittex il-Qari tal-Ħadd minn hawn ...


Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Ma niftaħarx ħlief b’dak li hu dgħajjef fija.

2 Kor 12, 1-10

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, ikolli niftaħar. Tassew li xejn mhu se jiswieli, imma niġu għall-viżjonijiet u r-rivelazzjonijiet tal-Mulej. Naf wieħed, jemmen fi Kristu, li erbatax-il sena ilu kien meħud sat-tielet sema – jekk hux bil-ġisem jew mingħajr il-ġisem jien ma nafx, dan Alla jafu. U naf li dan il-bniedem kien meħud fil-ġenna – jekk hux fil-ġisem jew mingħajr il-ġisem jien ma nafx, dan Alla jafu u sama’ jingħadu ħwejjeġ li ma jitfissrux bil-kliem u li ebda bniedem ma jista’ jgħidhom. B’dan niftaħar jien! Imma bija nnifsi ma niftaħarx ħlief b’dak li hu dgħajjef fija. Għax kieku rrid niftaħar, ma nkunx qed nitbellah, għax inkun qed ngħid is-sewwa. Imma nżomm ruħi lura, biex ma jkunx hemm min jaħseb li jien xi ħaġa aktar minn dak li jilmaħ fija jew minn dak li jismagħni ngħid.

 

U li ma mmurx nintefaħ bija nnifsi minħabba fil-kobor tarrivelazzjonijiet, tqegħditli xewka f’ġismi, messaġġiera tax-Xitan, biex toqgħod tniggiżni ħalli ma nintefaħx. Fuq hekk tliet darbiet tlabt il-Mulej biex hi titbiegħed minni. Iżda hu weġibni: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef”.

 

Għalhekk niftaħar minn qalbi l-aktar bid-debbulizzi tiegħi biex il-qawwa ta’ Kristu tgħammar fija. Mela bil-qalb kollha nitgħaxxaq bid-debbulizzi tiegħi, bit-tagħjir, bl-għaks, bil-persekuzzjonijiet, bid-dwejjaq minħabba Kristu; għax meta nkun dgħajjef, inkun qawwi.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 33 (34), 8-9.10-11.12-13

 

R/. (9a): Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej

 

L-anġlu tal-Mulej jgħasses

madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;

hieni l-bniedem li jistkenn fih. R/.

 

Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu;

xejn ma jonqsu min jibża’ minnu.

Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ;

min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu. R/.

 

Ejjew uliedi, isimgħu lili;

jiena l-biża’ tal-Mulej ngħallimkom.

Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja,

u jixtieq jara għomru kollu riżq? R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

2 Kor 8, 9

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġesù Kristu, għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom,

sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.

Hallelujah

 

Evanġelju

Toqogħdux tħabblu raskom għall-għada.

Mt 6, 24-34

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.

 

Għalhekk ngħidilkom: tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’tixorbu, anqas għal ġisimkom x’se tilbsu. Jaqaw il-ħajja mhijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies? Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom? U min minnkom, bl-inkwiet kollu tiegħu, se jseħħlu jtawwal għomru mqar b’jum wieħed biss?

 

U għall-ilbies għalfejn tinkwetaw ruħkom? Ħarsu lejn il-ġilji tal-għelieqi, kif jikbru! U la jitħabtu u lanqas jinsġu. Madankollu, ngħidilkom, anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom. Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta’ fidi ċkejkna?

 

Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu: “X’se nieklu? X’se nixorbu? X’se nilbsu?”. Dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani. Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh.

 

Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll. Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum ta’ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu