Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa
Qari I
Dilku lil Ġowas u bdew jgħajtu “Viva s-sultan!”
2 Slaten 11, 1-4.9-18.20
Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien, Għatalija kienet omm Aħażija, u malli rat li miet binha, qabdet u qatlet in-nisel kollu tas-sultan. U Ġehoseba, bint is-sultan Ġehoram, u oħt Aħażija, ħadet lil Ġowas bin Aħażija – ħatfitu bil-moħbi, lilu u l-imreddgħa tiegħu, minn qalb ulied is-sultan, li kienu se joqtluhom fil-kmamar tas-sodod – u ħbietu minn għajnejn Għatalija, u hekk ma qatluhx. U dam moħbi magħha f’dar il-Mulej sitt snin, fil-waqt li Għatalija kienet issaltan fuq il-pajjiż.
Fis-seba’ sena Ġehojada bagħat iġib iċ-ċenturjuni tal-Karin u l-kapijiet tal-gwardji tal-korp, u daħħalhom miegħu f’dar il-Mulej, u għamel patt magħhom, u ġagħalhom jaħilfu f’dar il-Mulej, u wriehom lil bin is-sultan. Iċ-ċenturjuni għamlu kulma kien ordnalhom Ġehojada, il-qassis, u kull wieħed ħa n-nies tiegħu – sew dawk li kienu deħlin is-Sibt, kemm dawk li kienu ħerġin – u marru għand il-qassis Ġehojada. U dan ta liċ-ċenturjuni l-lanez u t-tarkiet tas-sultan David, li kien hemm f’dar il-Mulej. U l-gwardji, kull wieħed bl-armi f’idu, qagħdu min-naħa tan-Nofsinhar tat-tempju san-naħa tat-Tramuntana, iħarsu lejn l-altar u t-tempju, madwar issultan.
Ġehojada mbagħad ħareġ lil bin is-sultan u xeddlu l-kuruna, u tah l-insinja, u għamluh sultan; dilkuh, u bdew iċapċpu idejhom u jgħajtu “Viva s-sultan!”. U Għatalija, malli semgħet l-għajjat tal-gwardji u tal-poplu, marret għal fuq il-poplu f’dar il-Mulej. U ħarset, u hemm kien is-sultan wieqaf fuq tribuna skont id-drawwa, u l-kantanti u t-trumbetti maġenb is-sultan, u l-poplu kollu tal-pajjiż jifraħ u jdoqq it-trumbetti.
Għatalija ċarrtet ħwejjiġha u bdiet tgħajjat: “Tradiment! Tradiment!”. U Ġehojada l-qassis ordna liċ-ċenturjuni u l-kapijiet tal-eżerċtu, u qalilhom: “Oħorġuha ’l barra mill-palazz bejn żewġ fillieri suldati, u kull min imur warajha, oqtluh bix-xabla”. Għax il-qassis kien qal: “Ma joqtluhiex fid-dar tal-Mulej”. U meddew idejhom fuqha, u kif waslet fid-daħla taż-żwiemel għal ġewwa l-palazz tas-sultan, qatluha hemmhekk.
Ġehojada għamel patt bejn il-Mulej u bejn is-sultan u bejn il-poplu li jkunu poplu tal-Mulej, u bejn is-sultan u l-poplu. U l-poplu kollu tal-pajjiż daħal fit-tempju ta’ Bagħal, u ġarrfuh, u farrku l-altari u x-xbihat tiegħu għalkollox, u ‘l Mattan, qassis ta’ Bagħal, qatluh quddiem l-altar. Ġehojada, il-qassis, qiegħed għases mat-tempju tal-Mulej.
Feraħ il-poplu kollu tal-pajjiż; u l-belt strieħet; u ’l Għatalija qatluha bix-xabla fil-palazz tas-sultan.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 131 (132), 11.12.13-14.17-18
R/. (13): Il-Mulej għażel ’il Sijon id-dar tiegħu
Il-Mulej ħalef wegħda lil David,
u żgur li ma jerġax lura minnha:
“Wieħed min-nisel tiegħek
jiena nqiegħed fuq it-tron tiegħek”. R/.
“Jekk uliedek iħarsu l-patt tiegħi
u l-preċetti li jien nagħtihom,
uliedhom ukoll għal dejjem
joqogħdu fuq it-tron tiegħek”. R/.
Għax il-Mulej għażel ’il Sijon,
u xtaqha tkun id-dar tiegħu:
“Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem!
Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha!” R/.
“Hemm inqajjem qawwa lil David,
inħejji mnara għas-sultan, il-midluk tiegħi.
Bil-mistħija llibbes l-għedewwa tiegħu,
imma fuqu tiddi l-kuruna tiegħu”. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 5, 3
Hallelujah. R/. Hallelujah
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.
Mt 6, 19-23
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu. Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll. Il-musbieħ tal-ġisem hija l-għajn. Jekk mela għajnek hija safja, ġismek kollu jkun imdawwal. Iżda jekk għajnek hi marida, ġismek kollu jkun mudlam. Mela jekk id-dawl li hemm fik huwa dlam, kemm aktar id-dlam!”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu