Stampa t-test tal-qari ...


Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid

 

Qari I

M’hemmx salvazzjoni ħlief biss fl-Isem ta’ Ġesù.

Atti 4, 8-12

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, Pietru, mimli bl-Ispirtu s-Santu, wieġeb: “Kapijiet tal-poplu u xjuħ, intom illum qegħdin tistħarrġuna fuq il-ġid li għamilna lil wieħed marid, u biex dan fieq. Mela kunu afu intom ilkoll, u l-poplu kollu ta’ Iżrael: jekk dan ir-raġel hu hawn quddiemkom qawwi u sħiħ, dan ġara bis-saħħa tal-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, li intom sallabtuh u Alla qajmu mill-imwiet. Dan Ġesù hu l-ġebla li intom, il-bennejja, warrabtu u li saret il-ġebla tax-xewka. F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 117 (118), 1.8-9.21-23.26.28ċd.29

 

R/. (22): Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka

 

Jew

 

R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Aħjar tiskenn fil-Mulej

milli tittama fil-bnedmin.

Aħjar tiskenn fil-Mulej

milli tittama fil-kbarat. R/.

 

Niżżik ħajr talli weġibtni

u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:

ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. R/.

 

Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej!

Inberkukom minn dar il-Mulej.

Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu! R/.

 

Qari II

Għad jaraw lil Alla kif inhu.

1 Ġw 3, 1-2

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

 

Għeżież, araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew. Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex, għax ma għarfitx lilu.

 

Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ’l quddiem mhuwiex irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 14

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;

jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi,

u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.

Ġw 10, 11-18

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Il-mikri, li mhuwiex ir-ragħaj, u li n-nagħaġ mhumiex tiegħu, jara l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom. Mikri hu, u ma jħabbilx rasu min-nagħaġ.

 

Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti. Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed.

 

Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja. Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha; din hi l-ordni li ħadt mingħand Missieri”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu