Stampa t-test tal-qari ...


21 ta’ Diċembru

 

Qari I

Il-maħbub tiegħi: arah, ġej, jaqbeż fuq il-muntanji.

Għanja 2, 8-14

 

Qari mill-Ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet

 

Leħen il-maħbub tiegħi:

arah, hu ġej, jaqbeż fuq il-muntanji,

jitqâbeż fuq l-għoljiet.

Il-maħbub tiegħi qisu xi għażżiela,

jew ferħ iċ-ċriev.

Hemm huwa, wieqaf,

wara l-ħajt tagħna,

iħares minn ġot-tieqa,

u jgħarrex wara l-gradi tal-ħadid.

Qabad jitkellem hu, il-maħbub tiegħi, u qiegħed jgħidli:

“Maħbuba tiegħi, qum,

ejja, sabiħa tiegħi!

Għax, ara, għaddiet ix-xitwa,

spiċċat ix-xita, marret.

Fuq l-art ġa deher il-ward,

iż-żmien tal-għana wasal,

fuq artna nstama’ leħen il-gamiem.

Diġà beda mit-tin ħiereġ il-frott,

in-nwar tad-dwieli jxerred riħa ħelwa.

Maħbuba tiegħi, qum, ejja, ġmiel tiegħi!

Ħamiema tiegħi ġewwa x-xquq tal-blat, moħbija ġo xi rdum,

urini wiċċek, semmagħli leħnek,

għax leħnek ħlejju, u sbejjaħ wiċċek”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

jew

 

Qari I

Il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok.

Sof 3, 14-18a

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija

 

Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon,

Iżrael, samma’ leħnek!

Infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalemm!

Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza li kellek kontrik,

keċċa l-għedewwa tiegħek.

Is-sultan t’Iżrael, il-Mulej, hu f’nofsok;

ma jkollokx iżjed ħsara minn xiex tibża’.

Dakinhar jgħidu lil Ġerusalemm:

“Tibżax, Sijon, tħallix idejk jintelqu:

il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok,

gwerrier li jsalva;

minħabba fik jithenna b’hena kbir, fi mħabbtu jġeddek,

jinfexx minħabba fik f’għajjat ta’ ferħ,

bħalkieku f’jum ta’ festa”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 32 (33), 2-3.11-12.20-21

 

R/. (1a u 3a): Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;

għannulu għanja ġdida

 

Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;

għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi.

Għannulu għanja ġdida;

doqqulu bis-sengħa u b’leħen qawwi. R/.

 

Imma l-fehma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem,

minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta’ moħħu.

Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,

il-poplu li hu għażel b’wirtu. R/.

 

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

Fih jinsab l-hena ta’ qalbna,

fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

O Xemx tielgħa,

dija tad-dawl ta’ dejjem u xemx tal-ġustizzja,

ejja u dawwal lil dawk

li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?

Lq 1, 39-45

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu