Stampa t-test tal-qari ...


21 ta’ Novembru

Il-Preżentazzjoni tal-Verġni Marija

Tifkira Obbligatorja

 

Qari I

Żak 2:14-17

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija

 

Għajjat bil-ferħ u nfexx fil-hena, bint Sijon, għaliex arani ġej biex ngħammar f’nofsok din kelma tal-Mulej, u kotra kbira ta’ ġnus jingħaqdu dakinhar mal-Mulej; u huma jkunu l-poplu tiegħi. U jiena ngħammar f’nofsok; imbagħad inti tagħraf li l-Mulej tal-eżerċti bagħatni għandek.

 

U l-Mulej jieħu lil Ġuda bħala sehmu mill-wirt fl-art imqaddsa, u jerġa’ jaħtar ’il Ġerusalemm. Żommu s-skiet quddiem il-Mulej, intom il-ħajjin kollha, għax hu stenbaħ mill-għamara mqaddsa tiegħu!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Lq 1:46-55

 

R/. (ara 6): Hienja int, Verġni Marija, li ġibt fid-dinja ’l Bin il-Missier etern!

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.

Iva, minn issa ’l  quddiem  kull nisel jibda jsejjaħli hienja. R/.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien

fuq dawk li jibżgħu minnu. R/.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,

xerred ’il dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid ’il min hu bil-ġuħ,

u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. R/.

 

Ħa ħsieb Israel qaddej tiegħu,

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

bħalma wiegħed ’il missirijietna

b’risq Abraham u nislu għal dejjem. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 1:28

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mt 12:46-50

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien: Kif Ġesù kien qiegħed ikellem lin-nies, ġew ommu u ħutu, waqfu barra u fittxew li jkellmuh. Xi ħadd qallu: “Ara, ommok u ħutek qegħdin barra ifittxu li jkellmuk”. Iżda hu wieġeb lil dak li kellmu, u qallu: “Min hi ommi? U min huma ħuti?”. Imbagħad medd idu lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Dawn, ara, huma ommi u ħuti. Għax kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu