Stampa t-test tal-qari ...


Id-Disgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Għad ikun magħdud ukoll lilna li nemmnu.

Rum 4, 20-25

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Għeżież, quddiem il-wegħda ta’ Alla Abraham ma qagħadx italla’ u jniżżel jekk jemminx jew le, imma ssaħħaħ fil-fidi, filwaqt li gglorifika lil Alla u żamm bis-sħiħ li min kien għamillu l-wegħda kien qawwi biżżejjed biex iżomm kelmtu. U kien għalhekk li dan ġie lilu magħdud b’ġustizzja.

 

Iżda l-kelmiet “ġie lilu magħdud” ma nkitbux għalih biss, imma għad ikun magħdud ukoll lilna li nemmnu f’dak li qajjem mill-imwiet lil Ġesù Sidna, li kien mogħti għall-mewt għal dnubietna, u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Lq 1, 69-70.71-72.73-75

 

R/. (ara 68): Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael,

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu

 

Hu waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni

f’dar David qaddej tiegħu,

bħalma wiegħed fl-imgħoddi

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu. R/.

 

Hu jsalvana mill-għedewwa tagħna,

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu. R/.

 

Jiftakar fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna:

li jagħtina l-grazzja li,

wara li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna,

naqduh bla biża’, tul ħajjitna kollha,

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 5, 3

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Henjin il-foqra fl-ispirtu,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?

Lq 12, 13-21

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, xi ħadd mill-folla qal lil Ġesù: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi”. Wieġbu Ġesù: “Ħabib, min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”.

 

Imbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu”.

 

U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu: “X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu!”. Qal: “Ara x’nagħmel, inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Imbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!”. Iżda qallu Alla: “Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?”.

 

Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu