Stampa t-test tal-qari ...


21 ta’ Settembru

San Mattew, appostlu u evanġelista

Festa

 

Qari I

Efesin 4: 1-7.11-13

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

 

 

Ħuti: Inħeġġiġkom, jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin. Bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u s-sabar, aħmlu ’l xulxin fl-imħabba; fittxu li żżommu l-għaqda tal-Ispirtu bir-rabta tas-sliem.       Intom ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu  fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd.

 

Imma lil kull wieħed minna ġiet mogħtija l-grazzja skont il-qjies tal-għajta ta’ Kristu. U huwa dak li ta’ lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud ragħajja u mgħallmin, ħalli b’hekk jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru wieħed fil-fidi u fil-għarfa tal-Iben ta’ Alla, insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 18

 

R/. Mal-art kollha jasal leħinhom!

 

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla,

għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

Jum lill-ieħor jagħti l-aħbar,

lejl lill-ieħor iwassal it-tagħrif. R/.

 

Ma hemmx aħbar u anqas kliem,

ma hemmx leħen li ma jinstemax.

Mal-art kollha jasal leħinhom,

mad-dinja kollha jinxtered kliemhomR/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

 

R/. Hallelujah.

Lilek, o Alla infaħħru: lilek bħala Mulej nistqarru.

Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa glorjuża tal-Appostli.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Mt 9: 9-13

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien: Huwa u għaddej Ġesù ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi; kien jismu Mattew. “Ejja warajja”, qallu. Dak qam u mar warajh. U ġara li, kif qagħad għandu għall-mejda ma’ Ġesù u d-dixxipli tiegħu, rawh il-Fariżej, u qalu lid-dixxipli tiegħu: “Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin l-Imgħallem tagħkom”? Hu semagħhom u qal: ‘It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mela morru tgħallmu x’jiġifieri ‘Ħniena nistenna u mhux sagrifiċċju’; għax mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek Kristu.