Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħamsa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Tagħtinix la faqar u lanqas għana, iżda agħtini l-ikel li neħtieġ.

Prov 30, 5-9

 

Qari mill-Ktieb tal-Proverbi

 

Kull kelma ta’ Alla għaddiet mill-prova;

hu tarka għal kull min jistkenn fih.

Iżżid xejn ma’ kliemu,

għax hu jċanfrek u jgiddbek.

Dawn it-tnejn jien nitlob mingħandek,

tiċħadhomlix qabel ma mmut:

Biegħed minni l-qerq u l-gideb;

tagħtinix la faqar u lanqas għana,

iżda agħtini l-ikel li neħtieġ.

Għax jekk ikolli bix-xaba’, nista’ niċħdek,

u ngħid: “Min hu l-Mulej?”

Jekk niftaqar, nasal biex nisraq

u nkasbar isem Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 118 (119), 29.72.89.101.104.163

 

R/. (105a): Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, Mulej

 

Biegħed minni triq il-gideb;

agħtini fi tjubitek il-liġi tiegħek.

Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok

mill-eluf ta’ flejjes tad-deheb u l-fidda. R/.

 

Għal dejjem, Mulej, il-kelma tiegħek;

hi mwaqqfa fis-sod fis-smewwiet.

Minn kull triq ħażina nwarrab riġlejja,

biex inħares il-kelma tiegħek. R/.

 

Jien ksibt id-dehen bil-preċetti tiegħek;

għalhekk nobgħod kull triq qarrieqa.

Il-qerq nobogħdu u nistkerrhu,

imma l-liġi tiegħek inħobbha. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 1, 15

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Saltna ta’ Alla waslet;

indmu u emmnu fl-Evanġelju.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Bagħathom ixandru s-Saltna ta’ Alla u jfejqu l-morda.

Lq 9, 1-6

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù 1sejjaħ lit-Tnax madwaru u tahom qawwa u setgħa fuq ix-xjaten kollha u li jfejqu l-mard. U bagħathom ixandru s-Saltna ta’ Alla u jfejqu l-morda. U qalilhom: “Tieħdu xejn magħkom għat-triq, la ħatar, la ħorġa, la ħobż u lanqas flus, u lanqas ma jkollkom żewġ ilbiesi. Jekk tidħlu f’xi dar, ibqgħu hemm sa ma tiġu biex titilqu. Jekk ma jilqgħukomx, oħorġu minn dik il-belt u farfru sa t-trab tagħha minn ma’ riġlejkom bħala xhieda kontrihom”. Ħarġu, mela, u bdew iduru l-irħula jxandru l-Evanġelju u jfejqu l-morda kullimkien.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu