Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħmistax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Il-Ħaruf oqtuh ma’ nżul ix-xemx; jien xħin nara d-demm nibqa’ għaddej.

Eżodu 11, 10 – 12, 14

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

 

F’dak iż-żmien, Mosè u Aron għamlu dawn l-għeġubijiet kollha quddiem il-Fargħun. Imma l-Mulej webbes qalb il-Fargħun, u dan ma telaqx lil ulied Iżrael mill-art tiegħu.

 

Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron fl-art tal-Eġittu, u qalilhom:Dan ix-xahar ikun għalikom l-ewwel fost ix-xhur, ikunilkom l-ewwel xahar tas-sena. Kellem lill-ġemgħa kollha ta’ Iżrael, u għidilhom: “Fl-għaxra ta’ dan ix-xahar kull wieħed minnkom jieħu ħaruf kull familja, wieħed kull dar. Jekk il-familja tkun żgħira wisq biex tikluh kollu, wieħed jieħu l-ħaruf flimkien mal-ġar tiegħu, l-eqreb lejn daru, skont in-numru tan-nies; skont kemm kull wieħed jiflaħ jiekol, hekk tqisuh il-ħaruf.

 

Il-ħaruf ikun bla difett, raġel, ta’ dik is-sena. Tistgħu tieħdu min-nagħaġ jew mill-mogħoż. Intom iżżommuh sal-erbatax ta’ dax-xahar, meta l-ġemgħa kollha ta’ dar Iżrael toqtlu bejn inżul ix-xemx u d-dlam. Imbagħad jieħdu mid-demm tiegħu, u jroxxuh fuq il-ġnub u l-blata tal-bibien tad-djar fejn ikunu se jikluh.

 

F’dik il-lejla għandhom jieklu l-laħam mixwi, b’ħobż bla ħmira, u b’ħaxix morr. Tieklu xejn minnu nej jew mgħolli fl-ilma, imma mixwi: rasu, riġlejh, u l-ġewwieni. U tħallu xejn għal filgħodu; kulma jibqa’ għal filgħodu aħarquh. U tikluh hekk: qaddejkom imħażżma, bil-qorq f’riġlejkom u l-ħatar f’idejkom; u tikluh bl-għaġla. Din hi l-mogħdija tal-Mulej!

 

Għax dak il-lejl jiena ngħaddi mill-art tal-Eġittu u nidrob ’il kull min hu l-ewwel fost l-imweldin fl-art tal-Eġittu, bnedmin u bhejjem, u nagħmel ħaqq mill-allat kollha tal-Eġittu: Jien, Jahweh! Id-demm ikun bħala sinjal tagħkom fuq id-djar fejn tkunu, u jien xħin nara d-demm nibqa’ għaddej, u ebda marda ma tiġi teqridkom meta jien nidrob l-art tal-Eġittu.

 

Dak il-jum ikun għalikom jum ta’ tifkira, u intom tħarsuh bħala festa tal-Mulej; iżżommu din l-osservanza bħala liġi għaż-żminijiet kollha li ġejjin”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 115 (116), 12-13.15-16bċ.17-18

 

R/. (13): Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, u isem il-Mulej insejjaħ

 

Xi rrodd lill-Mulej

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,

u isem il-Mulej insejjaħ. R/.

 

Għażiża f’għajnejn il-Mulej

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

Jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek:

int ħallejtli l-irbit tiegħi. R/.

 

Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,

u isem il-Mulej insejjaħ.

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,

quddiem il-poplu tiegħu kollu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej;

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Bin il-Bniedem huwa Sid is-Sibt.

Mt 12, 1-8

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

Darba waħda, is-Sibt, Ġesù kien għaddej minn għalqa miżrugħa. Issa lid-dixxipli tiegħu ħadhom il-ġuħ; u bdew jaqtgħu s-sbul u jikluh. Imma rawhom il-Fariżej, u qalulu: “Ara, id-dixxipli tiegħek jagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt”.

 

U hu qalilhom: “Ma qrajtux x’għamel David meta kien bil-ġuħ, hu u dawk li kienu miegħu? Ma qrajtux kif daħal fid-dar ta’ Alla u kiel il-ħobż tal-preżenza ta’ quddiem il-Mulej, li la hu u lanqas dawk li kienu miegħu ma kienu jistgħu jieklu minnu, imma l-qassisin biss? Jew ma qrajtux fil-Liġi li nhar ta’ Sibt il-qassisin fit-tempju jiksru s-Sibt bla ma jonqsu? Ngħidilkom li hawnhekk hawn min hu aqwa mit-tempju. Li kieku kontu tafu xi jfissru l-kelmiet, “Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju”, ma kontux tikkundannaw lil min hu bla ħtija. Għax Bin il-bniedem huwa Sid is-Sibt”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu