Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies ta’ kuljum għandi, u l-ħsieb tal-knejjes kollha.

2 Kor 11, 18.21b-30

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, jekk ħafna jiftaħru ta’ bnedmin, ħa niftaħar jien. Imma – biex nitkellem ta’ iblah – f’dak li ħaddieħor jagħmel wiċċu, nagħmel wiċċi jiena wkoll. Huma Lhud? Jiena wkoll. Huma Iżraelin? Jiena wkoll. Huma nisel Abraham? Jiena wkoll. Huma ministri ta’ Kristu? Jiena – ħa nitkellem ta’ iblah! – jiena aktar minnhom. Ħafna aktar minnhom fit-taħbit, ħafna aktar minnhom fil-ħabsijiet, aktar u aktar minnhom fis-swat. Bosta drabi sibt ruħi wiċċ imb wiċċ mal-mewt.

 

Ħames darbiet qlajt mingħand il-Lhud l-erbgħin daqqa neqsin waħda; tliet darbiet tawni s-swat bil-virgi; darb’oħra ħaġġruni. Tliet darbiet rajt l-għarqa; għaddejt lejl u jum f’nofs ta’ baħar. Għamilt safar bla għadd; sibt ruħi f’perikli ta’ xmajjar, perikli mill-ħallelin, perikli min-nies ta’ ġensi, perikli mill-pagani, perikli fl-ibliet, perikli fid-deżert, perikli fil-baħar, perikli mill-aħwa qarrieqa. Taħbit u xogħol iebes; kemm-il darba kelli ngħaddi sahriet bla rqad, bil-ġuħ u bil-għatx; kemm-il darba kelli ngħaddi fis-sawm, fil-ksieħ u fl-għera!

 

U, biex ma nsemmix ħwejjeġ oħra, dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies ta’ kuljum għandi, u l-ħsieb tal-knejjes kollha! Min hu marid u m’iniex marid miegħu jien? Min hu dak li jsib min ifixklu, u jien ma nħossnix imbaqbaq? Jekk għandi niftaħar, niftaħar b’dak li hu dgħajjef fija.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 33 (34), 2-3.4-5.6-7

 

R/. (ara 18b): Il-Mulej jeħles lill-ġusti mid-dwejjaq kollha tagħhom

 

Kull ħin inbierek il-Mulej;

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi;

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.

 

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;

ħa ngħollu ismu flimkien.

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,

minn kull biża’ tiegħi ħelisni. R/.

 

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,

u ma jkollkomx għax tistħu.

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 5, 3

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Henjin il-foqra fl-ispirtu,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.

Mt 6, 19-23

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu. Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.

 

Il-musbieħ tal-ġisem hija l-għajn. Jekk mela għajnek hija safja, ġismek kollu jkun imdawwal. Iżda jekk għajnek hi marida, ġismek kollu jkun mudlam. Mela jekk id-dawl li hemm fik huwa dlam, kemm aktar id-dlam!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu