Stampa t-test tal-qari ...


20 ta’ Diċembru

 

Qari I

Araw, ix-xebba titqal u tiled iben.

Iż 7, 10-14

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

F’dak iż-żmien, il-Mulej issokta jkellem lil Aħaż u jgħidlu: Itlob sinjal għalik mingħand il-Mulej, Alla tiegħek, f’qiegħ l-art jew fl-għoli tas-smewwiet”. U Aħaż wieġeb: “Ma nitlobx: ma rridx nittanta lill-Mulej”. U l-profeta wieġeb: “Isimgħu, mela, dar David: mhux biżżejjed għalikom li tkiddu lill-bnedmin, biex issa se tkiddu lil Alla tiegħi? Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-el”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6

 

R/. (ara 7ċ u 10b): Araw, ġej il-Mulej, is-Sultan tal-glorja!

 

Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha,

id-dinja u kulma jgħix fiha.

Għax hu fuq l-ibħra waqqafha,

u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. R/.

 

Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej?

Min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?

Min għandu idejh indaf u qalbu safja,

min ma jagħtix ruħu għall-frugħa. R/.

 

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,

u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.

Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;

li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

O Muftieħ ta’ David,

li tiftaħ bibien is-Saltna ta’ dejjem,

ejja ħa toħroġ lill-bniedem

mill-jasar u d-dlam tal-ħabs.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben.

Lq 1, 26-38

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”. Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu”.

 

Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?”. Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

 

Imbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek”. U l-anġlu telaq minn quddiemha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu