Stampa t-test tal-qari ...


L-Għid il-Kbir tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet

Solennità - Il-Velja fil-Lejl Qaddis tal-Għid

 

Qari I

Alla ħares lejn kulma għamel u ra li kollox kien sew ħafna.

Ġen 1, 1 - 2, 2

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art: u kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam kien fuq wiċċ l-abbissi u fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-ispirtu ta’ Alla. U qal Alla: “Ħa jkun id-dawl”. U d-dawl sar. U ra Alla d-dawl li kien tajjeb. U Alla fired id-dawl mid-dlam. U d-dawl Alla semmieh jum, u d-dlam sejjaħlu lejl. U dalam u sebaħ – L-ewwel jum.

 

U qal Alla: “Ħa jkun hemm medda f’nofs l-ilmijiet u tifred ilma minn ilma”. U Alla għamel il-medda u fired l-ilma ta’ taħt il-medda mill-ilma ta’ fuq il-medda. U hekk sar. U l-medda Alla semmieha sema. U dalam u sebaħ – It-tieni jum.

 

U qal Alla: “Ħa jinġemgħu naħa waħda l-ilmijiet ta’ taħt is-sema u jidher l-inxif”. U hekk sar. U sejjaħ Alla l-inxif art; u l-ġemgħa tal-ilma sejħilha baħar. U Alla ra li kollox kien tajjeb. U qal Alla: “Ħa tnibbet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa, siġar li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa ġo fih skont għamliethom, fuq l-art”. U hekk sar. U nibbtet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa skont għamlietu u siġar jagħmlu l-frott biż-żerriegħa skont għamlietu; u ra Alla li kien tajjeb. U dalam u sebaħ – It-tielet jum.

 

U qal Alla: “Ħa jkun hemm imnariet fil-firxa tas-sema biex jifirdu l-jum mil-lejl, u jkunu sinjali għat-tqassim taż-żminijiet, tal-jiem u tas-snin. U jkun hemm imnariet fil-firxa tas-sema biex idawlu l-art”. U hekk sar. U għamel Alla ż-żewġ imnariet il-kbar; l-imnara l-kbira biex trieġi l-jum, u l-imnara ż-żgħira biex trieġi l-lejl, u l-kwiekeb. U Alla qegħedhom fil-firxa tas-sema biex jiddu fuq l-art, u jrieġu l-jum u l-lejl u jifirdu d-dawl mid-dlam. U Alla ra li kien tajjeb. U dalam u sebaħ – Ir-raba’ jum.

 

U qal Alla: “Jiżgħed l-ilma b’kotra ta’ ħlejjaq ħajjin u jittajru t-tjur fuq l-art fil-wesgħa tas-smewwiet”. U Alla ħalaq il-ħut il-kbir u l-annimali kollha li jitkaxkru, li bihom miżgħud l-ilma, skont ġenshom, u t-tajr bil-ġwienaħ skont ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb. U berikhom Alla u qalilhom: “Welldu u oktru, u imlew l-ilma tal-ibħra; u joktor it-tajr fuq l-art”. U dalam u sebaħ – Il-ħames jum.

 

U qal Alla: “Ħa tnissel l-art ħlejjaq ħajja skont ġenshom: bhejjem tad-dar, annimali li jitkaxkru, u bhejjem selvaġġi, skont ġenshom”. U hekk sar. U għamel Alla l-bhejjem selvaġġi skont ġenshom, u l-bhejjem tad-dar skont ġenshom, u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art skont ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb. U qal Alla: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna, u jaħkmu fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tajr tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art”. U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu: raġel u mara ħalaqhom.

 

U berikhom Alla u qalilhom:

“Nisslu u oktru,

u imlew l-art, u aħkmuha;

u saltnu fuq il-ħut tal-baħar

u t-tajr tal-ajru

u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art”.

 

U qal Alla: “Araw, jien tajtkom il-ħaxix kollu, li jagħmel iż-żerriegħa fuq wiċċ l-art, u s-siġar kollha li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa: dawn kollha jkunu għall-għajxien tagħkom. U lill-bhejjem kollha selvaġġi u t-tajr kollu tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fl-art li fihom nifs il-ħajja, nagħtihom il-ħaxix kollu aħdar għall-għajxien tagħhom”. U hekk sar. U ħares Alla lejn kulma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna. U dalam u sebaħ – Is-sitt jum.

 

U hekk tlestew is-sema u l-art bit-tagħmir kollu tagħhom. U fis-seba’ jum Alla temm ix-xogħol tiegħu kollu li kien għamel, u waqaf fis-seba’ jum mix-xogħol tiegħu li kien għamel.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Jew il-forma l-qasira

 

Qari I

Alla ħares lejn kulma għamel u ra li kollox kien sew ħafna.

Ġen 1, 1.26-31a

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art. U qal Alla: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna, u jaħkmu fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tajr tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art”.

 

U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu,

fuq xbihat Alla ħalqu,

raġel u mara ħalaqhom.

U berikhom Alla u qalilhom:

“Nisslu u oktru,

u imlew l-art, u aħkmuha;

u saltnu fuq il-ħut tal-baħar

u t-tajr tal-ajru

u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art”.

 

U qal Alla: “Araw, jien tajtkom il-ħaxix kollu, li jagħmel iż-żerriegħa fuq wiċċ l-art, u s-siġar kollha li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa: dawn kollha jkunu għall-għajxien tagħkom. U lill-bhejjem kollha selvaġġi u t-tajr kollu tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fl-art li fihom nifs il-ħajja, nagħtihom il-ħaxix kollu aħdar għall-għajxien tagħhom”. U hekk sar. U ħares Alla lejn kulma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 103 (104), 1-2a.5-6.10.12.13-14.24.35ċ

 

R/. (ara 30): Ġedded il-wiċċ tal-art, Mulej

 

Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej!

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Bis-sebħ u bil-ġmiel inti mlibbes,

bid-dawl, bħal b’mantell, inti mkebbeb. R/.

 

Int waqqaft l-art fuq is-sisien tagħha,

b’mod li qatt ma titħarrek;

bl-ibħra, bħal b’libsa, inti ksejtha;

u l-ilmijiet waqfu fuq qċaċet l-għoljiet. R/.

 

L-għejun tiftħilhom għal ġol-widien,

u huma jiġru qalb l-għoljiet.

Ħdejhom jgħammru l-għasafar tal-ajru,

minn qalb il-friegħi jsemmgħu l-għana tagħhom. R/.

 

Inti ssaqqi l-muntanji mill-imħażen għolja tiegħek,

u tixba’ l-art bil-frott ta’ għemilek.

Inti tnibbet il-ħdura għall-bhejjem,

u l-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem. R/.

 

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!

Kollha bl-għerf għamilthom;

Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej. R/.

 

Jew

 

Salm Responsorjali

Salm 32 (33), 4-5.6-7.12-13.20.22

 

R/. (5b): Bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art

 

Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,

kollox bil-fedeltà huwa għamel.

Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;

bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.

 

Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet,

u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.

Bħal f’ġarra l-ilmijiet ġabar,

u l-ibħra l-kbar fi mħażen. R/.

 

Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,

il-poplu li hu għażel b’wirtu.

Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej,

u jara l-bnedmin kollha. R/.

 

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,

kif fik hi t-tama tagħna. R/.

 

Qari II

Is-sagrifiċċju ta’ missierna Abraham.

Ġen 22,1-18

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

F’dak iż-żmien, Alla ried iġarrab lil Abraham u qallu: “Abraham!”. U hu wieġbu: “Hawn jien!”. U qallu: “Aqbad lil ibnek il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta’ Morija, u hemm offrih b’sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se ngħidlek”. U Abraham bakkar mas-sebħ, xedd il-ħmar tiegħu, ħa tnejn mill-qaddejja tiegħu, u lil Iżakk. Qatta’ l-ħatab għas-sagrifiċċju tal-ħruq, u qam, u telaq lejn il-post li qallu bih Alla. Fit-tielet jum Abraham rafa’ għajnejh, u lemaħ il-post mill-bogħod. U Abraham qal lill-qaddejja tiegħu: “Oqogħdu hawn bil-ħmar, u jien u ż-żagħżugħ immorru sa hemm, u nagħtu qima u nerġgħu lura ħdejkom”. U Abraham qabad il-ħatab għas-sagrifiċċju, għabbieh fuq Iżakk ibnu, ħa f’idejh in-nar u s-sikkina, u telqu t-tnejn flimkien. U Iżakk qal lil Abraham missieru: “Missier!” Dak wieġbu: “Hawn jien, ibni”. U Iżakk qallu: “Hawn huma n-nar u l-ħatab, fejn hu l-ħaruf għas-sagrifiċċju tal-ħruq?”. U Abraham wieġbu: “Alla jaħseb hu għall-ħaruf għas-sagrifiċċju, ibni”. U baqgħu sejrin it-tnejn flimkien.

 

U waslu fil-post li kien semmielu Alla; u hemm Abraham bena l-artal u firex il-ħatab fuqu, u rabat lil ibnu Iżakk u qiegħdu fuq l-artal, fuq il-ħatab. U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu. U sejjaħlu l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: “Abraham, Abraham!”. U dan wieġbu: “Hawn jien”. U qallu: La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara; għax issa naf li inti tibża’ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni”.

 

U Abraham rafa’ għajnejh, ta ħarsa madwaru, u ra muntun warajh maqbud minn qrunu fil-friegħi. U Abraham mar u qabad il-muntun, u offrieh b’sagrifiċċju tal-ħruq minflok ibnu. U Abraham semma dak il-post: “Jaħweh-jire – jiġifieri – il-Mulej jipprovdi”, kif għadu jingħad sal-lum: “Fuq il-muntanja Jaħweh-jire, il-Mulej jipprovdi”.

 

U għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet u qallu: “Naħlef fuq ruħi – oraklu tal-Mulej – la darba int għamilt ħaġa bħal din, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni, jien inbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar; u nislek għad jiret il-bibien tal-għedewwa tiegħu. U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art talli smajt minn kelmti”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Jew il-forma l-qasira

 

Qari II

Is-sagrifiċċju ta’ missierna Abraham.

Ġen 22, 1-2.9a.10-13.15-18

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

F’dak iż-żmien, Alla ried iġarrab lil Abraham u qallu: “Abraham!”. U hu wieġbu: “Hawn jien!”. U qallu: “Aqbad lil ibnek il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta’ Morija, u hemm offrih b’sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se ngħidlek”. U waslu fil-post li kien semmielu Alla; u hemm Abraham bena l-artal u firex il-ħatab fuqu. U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu. U sejjaħlu l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: “Abraham, Abraham!” U dan wieġbu: “Hawn jien”. U qallu: La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara; għax issa naf li inti tibża’ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni”.

 

U Abraham rafa’ għajnejh, ta ħarsa madwaru, u ra muntun warajh maqbud minn qrunu fil-friegħi. U Abraham mar u qabad il-muntun, u offrieh b’sagrifiċċju tal-ħruq minflok ibnu. U għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet u qallu: “Naħlef fuq ruħi – oraklu tal-Mulej – la darba int għamilt ħaġa bħal din, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni, jien inbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar; u nislek għad jiret il-bibien tal-għedewwa tiegħu. U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art talli smajt minn kelmti”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 15 (16), 5.8.9-10.11

 

R/. (1): Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn

 

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,

inti żżomm f’idejk xortija.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,

għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.

 

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar. R/.

 

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,

hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.

 

Qari III

Ulied Iżrael daħlu fl-inxief f’nofs il-baħar.

Eż 14, 15 - 15,1

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

 

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Mosè: “Għax issejjaħ lili? Għid lil ulied Iżrael jerfgħu t-tined tagħhom u jitilqu. U int għolli l-ħatar tiegħek, u midd idek fuq il-baħar u oforqu. Ulied Iżrael, imbagħad, jaqsmu fin-niexef f’nofs il-baħar. U ara, jiena nwebbes il-qalb tal-Eġizzjani biex jgħaddu warajkom, u nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu kollu, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu. U mbagħad ikunu jafu l-Eġizzjani li jiena l-Mulej, meta nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu”.

 

U mbagħad l-anġlu ta’ Alla, li kien miexi quddiem it-tined ta’ Iżrael, telaq u mar warajhom, u l-kolonna ta’ sħab minn quddiemhom marret qagħdet warajhom, u ġiet bejn it-tined tal-Eġizzjani u t-tined ta’ Iżrael. Kien hemm is-sħaba u d-dlam, u għadda l-lejl bla ma ħadd minnhom seta’ jersaq wieħed lejn l-ieħor. Mosè medd idu fuq il-baħar, u l-Mulej reġġa’ lura l-baħar b’riħ qawwi mil-Lvant matul il-lejl kollu; il-baħar ixxotta u l-ilmijiet inferqu. U mbagħad ulied Iżrael daħlu fin-niexef f’nofs il-baħar; l-ilmijiet kienu għalihom qishom ħitan fuq il-lemin u fuq ix-xellug.

 

L-Eġizzjani marru warajhom, u daħlu f’nofs il-baħar, iż-żwiemel kollha tal-Fargħun, il-karrijiet u r-rikkieba tiegħu. Fis-sahra ta’ filgħodu, il-Mulej minn ġol-kolonna tan-nar u s-sħaba xeħet ħarsa fuq it-tined tal-Eġizzjani, u ħarbathom. U xekkel ir-roti tagħhom u bit-tbatija setgħu jmexxuhom. U mbagħad l-Eġizzjani bdew jgħajtu: “Ħa naħarbu minn quddiem Iżrael, għaliex il-Mulej qiegħed jiġġieled kontra l-Eġizzjani!”.

 

Il-Mulej qal lil Mosè: “Midd idek fuq il-baħar, u l-ilma jerġa’ lura fuq l-Eġizzjani, bil-karrijiet u r-rikkieba tagħhom”. U Mosè medd idu fuq il-baħar. U ma’ sbiħ il-jum il-baħar raġa’ lura fejn kien qabel, u l-Eġizzjani, huma u jaħarbu, sabu ruħhom fih. Hekk il-Mulej gerbibhom f’nofs l-ilma. L-ilmijiet reġgħu lura u għarrqu l-karrijiet u r-rikkieba tal-eżerċtu kollu tal-Fargħun li kienu ġejjin warajhom fil-baħar. Anqas wieħed ma baqa’ minnhom. U wlied Iżrael għaddew fin-niexef f’nofs il-baħar, u l-ilmijiet kienu għalihom bħal ħitan wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.

 

Dakinhar il-Mulej salva lil Iżrael minn id l-Eġizzjani, u Iżrael ra l-Eġizzjani mejta fuq xatt il-baħar. Ra Iżrael kulma għamel il-Mulej lill-Eġizzjani bil-qawwa ta’ driegħu. U beża’ l-poplu mill-Mulej, u emmen fil-Mulej u f’Mosè, il-qaddej tiegħu.

 

Imbagħad Mosè, flimkien ma’ wlied Iżrael, għanna din l-għanja lill-Mulej, u qalu:

 

Salm Responsorjali

Eż 15, 1-2.3-4.5-6.17-18

 

R/. (1a): Ngħanni lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ

 

Ngħanni lill-Mulej, għax tkabbar bis-sħiħ.

Żwiemel u rikkieba waddabhom fil-baħar.

Qawwieti u għanjieti l-Mulej:

għalija sar is-salvazzjoni.

Dan hu Alla tiegħi, u lilu nfaħħar;

Alla ta’ missieri, u lilu ngħolli! R/.

 

Il-Mulej gwerrier, Jaħweh ismu!

L-imriekeb tal-Fargħun u qawwietu tefagħhom fil-baħar;

l-aħjar fost il-gwerriera tiegħu

f’Baħar il-Qasab għarraqhom! R/.

 

Belagħhom l-irdum,

bħal ġebla niżlu fil-qiegħ.

Lemintek, Mulej, issebbħet fil-qawwa,

lemintek, Mulej, tfarrak il-għadu. R/.

 

Lill-poplu tiegħek int twasslu u tħawlu

fuq il-muntanja, il-wirt tiegħek,

l-imkien, Mulej, li int għamiltu għamartek;

il-maqdes, Sidi, li ħejjew idejk.

Il-Mulej isaltan għal dejjem ta’ dejjem”. R/.

 

Qari IV

Bi mħabba ta’ dejjem ħenn għalik il-Mulej.

Is 54, 5-14

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

L-għarus tiegħek il-Ħallieq tiegħek,

Jaħweh tal-eżerċti jismu;

il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Iżrael,

Alla tal-art kollha jissejjaħ.

Iva, bħal mara mitluqa u mdejqa f’qalbha

sejjaħlek il-Mulej,

bħal mara mitluqa f’żgħożitha,

jgħid il-Mulej Alla tiegħek.

Għal ftit jien tlaqtek;

imma bi mħabba bla qjies jien nerġa’ niġbrok.

Fis-saħna tal-korla ħbejt wiċċi għal ftit minnek;

bi mħabba ta’ dejjem inħenn għalik,

jgħid il-Mulej, il-Feddej tiegħek.

Dan għalija bħal fi żmien Noè,

meta ħlift li l-ilma ma jerġax jgħarraq l-art.

Hekk naħlef issa li ma nisħonx aktar għalik,

u lanqas ma nċanfrek.

Jistgħu jitħarrku l-muntanji,

jitheżżu l-għoljiet,

imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx,

u s-sliem tal-patt tiegħi ma jitheżżiżx,

jgħid il-Mulej li jħenn għalik.

Magħkusa, imħabbta mill-irwiefen, mara bla faraġ!

Jien inqiegħed il-ġebel tiegħek fl-ifjen tajn;

u l-pedamenti tiegħek biż-żaffir.

Nagħmel l-amberżuni ta’ swarek tar-rubini,

u bwiebek tal-karbunkli,

u d-dawra tas-swar tal-ħaġar prezzjuż.

Uliedek ilkoll ikunu mgħallma mill-Mulej,

kbir għad ikun ġid uliedek.

Fuq sies il-ġustizzja titwaqqaf,

’il bogħod mit-tagħkis,

għax ma għandekx mniex tibża’;

u ’l bogħod mit-twerwir għax ma jersaqx lejk.

Jekk jaħbtu għalik, ma jkunx minni;

min jaħbat għalik, jaqa’ quddiemek.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 29 (30), 2.4.5-6.11.12a.13b

 

R/. (2a): Ngħollik, Mulej, għax erfajtni

 

Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,

u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.

Mulej, tellajtli mill-mewt lil ruħi,

ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra. R/.

 

Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu,

faħħru l-isem imqaddes tiegħu.

Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,

iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.

Filgħaxija jidħol il-biki,

filgħodu jidwi l-għajjat ta’ ferħ. R/.

 

Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija;

kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi.

Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi,

Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem! R/.

 

Qari V

Ersqu lejja, isimgħu u tieħdu r-ruħ.

Is 55, 1-11

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Dan jgħid il-Mulej:

Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma;

intom ukoll li m’għandkomx flus.

Ejjew, ixtru u kulu b’xejn,

inbid u ħalib bla ħlas.

Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhuwiex ħobż,

u ġidkom f’dak li ma jxebbax?

Isimgħu minni, u tieklu tajjeb,

u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.

Agħtuni widen u ersqu lejja,

isimgħu u tieħdu r-ruħ.

Nagħmel patt magħkom għal dejjem,

biex iseħħu l-favuri mwiegħda lil David.

Ara, jien qegħedtu xhud fost il-ġnus,

prinċep u leġiżlatur fuq il-popli.

Int ġens li ma tafx bih issejjaħ;

ġnus li ma jafukx jiġru lejk,

minħabba fil-Mulej, Alla tiegħek,

il-Qaddis ta’ Iżrael,

għax lilek żejjen bil-ġieħ.

Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,

sejħulu sakemm hu fil-qrib!

Ħa jħalli triqtu l-midneb,

u l-bniedem il-ħażin fehmietu;

ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih,

għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.

Il-fehmiet tiegħi mhumiex fehmietkom,

u t-triqat tiegħi mhumiex triqatkom.

Oraklu tal-Mulej.

Għax daqs kemm huma ogħla

s-smewwiet mill-art,

daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom,

u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.

Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet,

u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art,

imma jġegħluha tnissel u tnibbet,

u tagħti ż-żerriegħa lil min jiżra’ u l-ħobż lil min jiekol,

hekk jiġri minn kelmti:

hija toħroġ minn fommi,

u ma terġax lura vojta,

imma tagħmel dak li jogħġob lili,

u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Is 12, 2-3.4bċd. 5-6

 

R/. (3): Kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni

 

Ara, Alla s-salvazzjoni tiegħi,

jiena nittama u ma jkollix mniex nibża’.

Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,

għalija sar is-salvazzjoni. R/.

 

Kollkom ferħana timlew l-ilma

mill-għejun tas-salvazzjoni.

Roddu ħajr lill-Mulej, sejħu ismu,

għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu,

xandru li ismu huwa fl-għoli. R/.

 

Għannu lill-Mulej

għax għamel ħwejjeġ kbar;

ħa jkun dan magħruf mal-art kollha.

Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f’Sijon,

għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael! R/.

 

Qari VI

Imxi lejn id-dija tad-dawl tal-Mulej.

Bar 3, 9-15.32 - 4,4

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Baruk

 

Isma’, Iżrael, il-kmandamenti tal-ħajja,

agħtu widen, tgħallmu l-għerf!

Għala, Iżrael, għala tinsab f’art l-għedewwa tiegħek?

Għala qiegħed tixjieħ f’art barranija?

Għala int imniġġes mal-mejtin,

magħdud fost dawk li jinżlu f’Qiegħ l-Art?

Int twarrabt mill-għajn tal-għerf.

Li kieku mxejt fit-triq ta’ Alla,

kont tkun tgħix fis-sliem għal dejjem!

Tgħallem fejn hemm l-għaqal,

fejn hemm il-qawwa, fejn hemm id-dehen,

biex f’ħin wieħed tagħraf fejn hemm

it-tul tal-għomor u t-tul tal-ħajja,

fejn hemm id-dawl għall-għajnejn u s-sliem.

Imma min kixef fejn jinsab l-għerf?

U min daħal fl-imħażen tiegħu?

Imma Dak li jaf kollox jaf fejn hu l-għerf,

għax sabu bid-dehen tiegħu.

Dak li ħejja l-art għal dejjem,

li mlieha bil-bhejjem li jimxu fl-art;

hu, li jibgħat id-dawl, u dan imur;

isejjaħlu, u jisma’ minnu mriegħed;

jiddu l-kwiekeb għassiesa f’posthom, kollhom ferħana;

hu jsejħilhom, u huma jwieġbu: “Hawn aħna;”

jiddu ferħana għal dak li għamilhom.

Dan hu Alla tagħna:

ħadd ma joqgħod ħdejh!

Hu sab it-triq kollha tal-għerf,

u tah lil Ġakobb, il-qaddej tiegħu,

u lil Iżrael, il-maħbub tiegħu.

Imbagħad dan l-għerf deher fid-dinja

u għammar fost il-bnedmin.

Hu ktieb il-kmandamenti ta’ Alla,

hu l-Liġi li tibqa’ għal dejjem;

kull min iħarsu jgħix,

dawk li jħalluh imutu.

Erġa’ lura, Ġakobb, u ilqa’ l-għerf,

imxi lejn id-dija ta’ dawlu;

titlaqx il-glorja tiegħek lil ħaddieħor,

lanqas ġieħek lil ġens barrani.

Hienja aħna, Iżrael,

għax dak li jogħġob lil Alla kien mgħarraf lilna.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 18 (19), 8.9.10.11

 

R/. (Ġw 6, 68ċ): Mulej, inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem

 

Il-liġi tal-Mulej perfetta,

u tagħti l-ħajja;

ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,

u tgħallem lil min ma jafx. R/.

 

Il-preċetti tal-Mulej dritti,

u jferrħu l-qalb;

il-kmandament tal-Mulej safi,

u jdawwal l-għajnejn. R/.

 

Il-biża’ tal-Mulej sinċier,

u jibqa’ għal dejjem;

il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,

u mseddqa għal kollox. R/.

 

Egħżeż mid-deheb,

mid-deheb l-aktar fin,

oħla mill-għasel u mill-qtar tax-xehda. R/.

 

Qari VII

Irroxx fuqkom ilma safi, u nagħtikom qalb ġdida.

Eżek 36, 16-17a.18-28

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: O bniedem, meta d-dar ta’ Iżrael kienu għadhom f’arthom, huma tebbgħuha bl-imġiba tagħhom u b’għemilhom. U jiena ferrajt qillti fuqhom minħabba fid-demm li xerrdu fl-art u minħabba fl-idoli li bihom ċappsu l-art. Xerridthom fost il-ġnus, u huma xterdu mal-artijiet; għamilt ħaqq minnhom skont imġibthom u skont triqathom. Meta marru fost il-ġnus, kull fejn marru, kasbru ismi l-qaddis, hekk li n-nies bdew jgħidu għalihom: “Dan hu l-poplu tal-Mulej, li kellhom joħorġu minn artu!”. Imma jien bżajt għal ismi l-qaddis li wlied Iżrael kasbru fost il-ġnus fejn marru. Għalhekk għidilhom lid-dar ta’ Iżrael: “Dan jgħid Sidi l-Mulej: Mhux minħabba fikom sejjer nagħmel dan, dar Iżrael, iżda minħabba f’ismi l-qaddis li intom kasbartu fost il-ġnus fejn mortu. Jien inqaddes ismi l-kbir, imkasbar minnkom fost il-ġnus, li f’nofshom kasbartuh, u l-ġnus ikunu jafu li jiena l-Mulej, meta nuri qdusiti fikom quddiem għajnejhom – oraklu ta’ Sidi l-Mulej – meta neħodkom minn fost il-ġnus u niġmagħkom mill-artijiet kollha, u nerġa’ ndaħħalkom f’artkom. U rroxx fuqkom ilma safi, u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom; mil-lidoli kollha tagħkom insaffikom. U nagħtikom qalb ġdida, u ruħ ġdida nqiegħed ġo fikom; u nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam flokha. U nqiegħed ruħi ġo fikom, u nagħmel li timxu skont il-kmandamenti tiegħi, u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom. U tgħammru fl-art li tajt lil missirijietkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi u jiena nkun Alla tagħkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 41 (42), 3.5bċd; 42 (43), 3.4

 

R/. (42, 2): Tixxennaq ruħi għalik, o Alla tiegħi!

 

Ruħi għatxana għal Alla,

għal Alla l-ħaj;

meta niġi u nara wiċċ Alla? R/.

 

Kif kont nimxi lejn it-tabernaklu tas-sebħ

sad-dar ta’ Alla,

fost għajta ta’ ferħ u ta’ radd il-ħajr,

qalb folla ferħana. R/.

 

Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek;

huma jmexxuni;

iwassluni sal-għolja mqaddsa tiegħek

u sal-għerejjex tiegħek. R/.

 

U nidħol ħdejn l-artal ta’ Alla,

ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.

U rroddlok ħajr biċ-ċetra,

o Alla, Alla tiegħi. R/.

 

Jekk ser tiġi ċċelebrata magħmudija

 

Salm Responsorjali

Salm 50 (51), 12-13.14-15.18-19

 

R/. (12a): Oħloq fija qalb safja, o Alla

 

Oħloq fija qalb safja, o Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.

 

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

Lill-midinbin ngħallem triqatek,

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura. R/.

 

Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju;

noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma;

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla. R/.

 

Epistola

Kristu qam mill-imwiet biex ma jmutx aktar.

Rum 6, 3-11

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida. Jekk aħna sirna ħaġa waħda miegħu f’mewt tixbah lil tiegħu, hekk ningħaqdu miegħu fil-qawmien tiegħu mill-mewt.

 

Dan nafu: li l-bniedem il-qadim tagħna ssallab miegħu, biex jinqered dan il-ġisem tad-dnub, sabiex ma nkunux aktar ilsiera tad-dnub. Min imut, jeħles mid-dnub. Jekk aħna mitna ma’ Kristu, nemmnu wkoll li għad ngħixu ma’ Kristu. Nafu li Kristu qam mill-imwiet u ma jmutx aktar; il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu. Hu li miet, miet darba għal dejjem għad-dnub; u issa li qiegħed jgħix, qiegħed jgħix għal Alla. Hekk ukoll intom għandkom tqisu lilkom infuskom mejtin għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Wara l-Epistola kulħadd iqum bilwieqfa, u ċ-Ċelebrant jintona b’mod solenni għal tliet darbiet l-Hallelujah, dejjem jogħla fil-vuċi. Kull darba l-ġemgħa twieġeb warajh.

 

Salm Responsorjali

Salm 117 (118), 1-2.16ab-17.22-23

 

R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb,

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Ħa jgħidu wlied Iżrael:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”. R/.

 

Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila.

Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej. R/.

 

Il-ġebla li warrbu l-bennejja

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:

ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. R/.

 

Evanġelju

L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?

Lq 24, 1-12

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Kmieni mas-sebħ ta' l-ewwel jum tal-ġimgħa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew. Huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar, imma meta daħlu fih,  il-katavru tal-Mulej Ġesù ma sabuhx hemm. U kif kienu mħassbin fuq dan, f'daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi. In-nisa, mimlijin bil-biża', baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: "L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? M'huwiex hawn, imma qam. Ftakru x'kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija, meta qal li jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f'idejn il-midinbin, ikun mislub, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet." U huma ftakru kliemu. Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta' dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha. Kienu Marija ta' Magdala u Ġwanna u Marija ta' Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b'dan lill-appostli. Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajjluh thewdin, u ma emmnuhomx. Madankollu Pietru qam u mar b'ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u raġa' lura d-dar mgħaġġeb b'li kien ġara.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu