Stampa t-test tal-qari ...

Għall-Quddies tas-Sibt filgħaxija fittex il-Qari tal-Ħadd minn hawn ...


It-Tieni Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Kif waqgħu l-qalbenin, waqgħu fil-ġlied!

2 Sam 1, 1-4.11-12.19.23-27

 

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel

 

F’dak iż-żmien, David raġa’ lura mit-taqtigħa mal-Għamalekin, u kien ilu jumejn f’Siklag. Fit-tielet jum ġie raġel mill-kamp minn ħdejn Sawl bi ħwejġu mċarrta u t-trab fuq rasu. Kif wasal quddiem David, intafa’ wiċċu fl-art u sellimlu. U David staqsieh: “Mnejn ġej?” u dak wieġbu: “Ħrabt mill-kamp ta’ Iżrael”. U David qallu: “X’aħbarijiet għandek minn hemm? Għidli, isa!” U wieġbu: “Il-poplu ħarab mit-taqbida, ħafna minnhom waqgħu u mietu; u mietu wkoll Sawl u Ġonatan, ibnu”.

 

David qabad u ċarrat ħwejġu, u hekk għamlu wkoll in-nies li kellu miegħu. U bdew inewħu u jibku, u samu sa filgħaxija għal Sawl, u għal ibnu Ġonatan, u għall-poplu tal-Mulej, u għad-dar ta’ Iżrael, għax kienu nqerdu bix-xabla. U qal David:

Kif intemm ġmielek, Iżrael, fuq l-għoljiet!

Kif waqgħu l-qalbenin!

Sawl u Ġonatan, dħulin u maħbubin,

ma nfirdux la f’ħajjithom, la f’mewthom.

Eħfef mill-ajkli, aqwa mill-iljuni!

Xbejbiet ta’ Iżrael, ibku lil Sawl;

libbiskom bil-kreżmi u l-brukkat,

żejnilkom ilbieskom bid-deheb!

Kif waqgħu l-qalbenin,

waqgħu fil-ġlied!

Ġonatan fuq għoljietek maqtul.

Jien imgħolli għalik, Ġonatan ħija,

l-għożża tiegħi u l-għaxqa għalija!

Imħabbtek għalija egħżeż minn imħabbet in-nisa!

Kif waqgħu l-qalbenin;

u ntilef tagħmir il-gwerra!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 79 (80), 2-3.5-7

 

R/. (4b): Itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, Mulej, u nkunu salvi

 

O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen,

int li tmexxi bħal merħlal Ġużeppi.

Int li qiegħed fuq il-kerubini,

iddi quddiem Efrajm, Benjamin u Manassi.

Qajjem il-qawwa tiegħek,

u ejja ħa ssalvana. R/.

 

Mulej, Alla tal-eżerċti,

kemm se ddum tinkorla

minkejja t-talb tal-poplu tiegħek?

Tmajthom il-ħobż magħġun bid-dmugħ,

sqejthom id-dmugħ bix-xaba’.

Għamilt minna t-tilwim tal-ġirien tagħna,

l-għedewwa tagħna jiddieħku bina. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Atti 16, 14b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iftħilna qalbna Mulej

biex nifhmu dak li jgħid Ibnek.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Qrabatu qalu li tilef moħħu.

Mk 3, 20-21

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesů mar id-dar, u l-kotra reġgħet inġemgħet, hekk li anqas biss setgħu jieklu. Qrabatu, malli semgħu, ħarġu biex iżommuh, għax qalu li tilef moħħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu