Stampa t-test tal-qari ...


It-Tieni Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Ġesù huwa l-medjatur ta’ patt aqwa.

Lhud 8, 6-13

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Ħuti, il-ministeru li kiseb Kristu hu daqshekk aqwa minn dak tal-imgħoddi daqs kemm hu aqwa l-patt li tiegħu huwa l-medjatur, għaliex hu patt mibni fuq wegħdiet aqwa. Għax kieku dak l-ewwel patt kien perfett, ma kienx ikun hemm għalfejn jagħmel patt ieħor floku.

 

Imma Alla, għax sab x’iċanfar fihom, qalilhom:

“Ara, wasal iż-żmien, jgħid il-Mulej,

li jiena nagħmel patt ġdid mad-dar ta’ Iżrael u mad-dar ta’ Ġuda.

Dan ma jkunx bħall-patt li jien

għamilt ma’ missirijiethom,

meta qbadthom minn idhom biex

noħroġhom mill-art tal-Eġittu;

ladarba huma ma baqgħux iżommu mal-patt tiegħi,

jien ukoll tlaqthom, jgħid il-Mulej.

Dan hu l-patt li jien għad nagħmel mad-dar ta’ Iżrael

wara dawk il-jiem, jgħid il-Mulej:

Inqiegħed il-liġijiet tiegħi f’moħħhom,

u f’qalbhom niktibhom.

U jiena nkun Alla tagħhom,

u huma jkunu l-poplu tiegħi.

Ma jgħallmux aktar wieħed lil sieħbu

u wieħed lil ħuh billi jgħidlu: ‘Agħraf lill-Mulej’,

għax ilkoll għad jagħrfuni,

miż-żgħir nett sal-kbir nett fosthom.

Jiena nħenn għalihom fil-ħażen tagħhom,

u fi dnubiethom ma niftakarx iżjed”.

 

Meta tkellem minn patt “ġdid”, wera li dak ta’ qabel kien qadim. Issa dak li jiqdiem u jixjieħ ikun wasal biex jispiċċa.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 84 (85), 8 u 10.11-12.13-14

 

R/. (11a): It-tieba u l-fedeltà jiltaqgħu

 

Uri lilna, Mulej, it-tieba tiegħek,

u s-salvazzjoni tiegħek agħtina

Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu,

għal dawk li jibżgħu minnu,

biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.

 

It-tieba u l-fedeltà jiltaqgħu,

il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.

Il-fedeltà mill-art tinbet,

u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.

 

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,

u artna tagħti l-frott tagħha.

14Il-ġustizzja quddiemu timxi,

u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

2 Kor 5, 19

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,

u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Sejjaħ lejh lil dawk li ried.

Mk 3, 13-19

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù tela’ fuq l-għolja u sejjaħ lejh lil dawk li ried. Huma resqu lejh, u għażel tnax li semmiehom appostli biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jippritkaw, u jkollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten.

 

Għażel mela t-Tnax: Xmun, li tah ukoll l-isem ta’ Pietru, u Ġakbu ta’ Żebedew, u Ġwanni, ħu Ġakbu, li tahom ukoll l-isem ta’ Boanerges, jiġifieri wlied ir-ragħad, u Indrì, u Filippu, u Bartilmew, u Mattew, u Tumas, u Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, u Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, dak li ttradieh.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu