Stampa t-test tal-qari ...


19 ta’ Diċembru

 

Qari I

Anġlu tal-Mulej iħabbar it-twelid ta’ Sansun.

Mħal 13, 2-7.24-25a

 

Qari mill-Ktieb tal-Imħallfin

 

F’dak iż-żmien, kien hemm raġel minn Sorgħa mit-tribù ta’ Dan, jismu Manuħa, u martu kienet sterili, u ma kellhiex tfal. U deher l-anġlu tal-Mulej lill-mara u qalilha: “Ara, int sterili u ma għandekx tfal, imma int se titqal u tiled iben. Issa qis li ma tixrobx inbid, u anqas xorb li jsakkar, u tiekol xejn imniġġes. Għax, ara, int se titqal u tiled iben, u l-mus ma jgħaddix minn fuq rasu, għax it-tifel ikun nażir ikkonsagrat lil Alla sa minn ġuf ommu, u hu jibda jeħles lil Iżrael minn id il-Filistin”.

 

U l-mara marret tgħid lil żewġha: “Ġie ħdejja raġel ta’ Alla, wiċċu wiċċ ta’ anġlu ta’ Alla, wiċċ li jbeżżgħek tarah. Ma staqsejtux mnejn ġie, u lanqas hu ma qalli ismu. U qalli: “Ara, inti titqal u tiled iben, u issa tixrobx inbid jew xorb li jsakkar, u tiekol xejn imniġġes, għax it-tifel ikun nażir ikkonsagrat lil Alla sa minn ġuf ommu sakemm imut”.

 

U l-mara wildet iben u semmietu Sansun, u t-tifel kiber u l-Mulej bierku. U l-ispirtu tal-Mulej beda jaħdem ġewwa fih.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 70 (71), 3-4a.5-6ab.16-17

 

R/. (ara 8a): Mulej, mimli fommi b’tifħirek u b’sebħek

 

Kun sur ta’ kenn għalija;

int wegħedt li tiġi dejjem issalvani,

għax blata u fortizza int għalija.

Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin. R/.

 

Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi;

Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.

Fuqek serraħt sa minn twelidi,

sa minn ġuf ommi inti ħadtni. R/.

 

Nersaq quddiem il-kobor tiegħek, Mulej Sidi,

biex il-ġustizzja tiegħek waħdek inxandar.

O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;

u jien s’issa għadni nxandar għeġubijietek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

O Għerq ta’ Ġesse,

li waqaft bħala sinjal għall-popli,

ejja biex teħlisna u la tiddawwarx.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

L-anġlu Gabrijel iħabbar it-twelid ta’ Ġwanni l-Battista.

Lq 1, 5-25

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Fi żmien Erodi, sultan tal-Lhudija, kien hemm qassis jismu Żakkarija, mit-taqsima ta’ Abija; martu, li kien jisimha Eliżabetta, kienet minn ulied Aron. It-tnejn kienu nies ġusti quddiem Alla u jimxu bla nuqqas ta’ xejn skont il-preċetti u l-kmandamenti kollha tal-Mulej. Ulied ma kellhomx, għax Eliżabetta ma setax ikollha, u t-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien.

 

Mela ġara li Żakkarija kien qiegħed jaqdi dmiru ta’ qassis quddiem Alla, għax kien imissha t-taqsima tiegħu, u, skont id-drawwa tal-liturġija, intgħażel hu bix-xorti biex jidħol ġewwa fis-santwarju tal-Mulej ħalli jaħraq l-inċens. Waqt ir-rit tal-inċens, il-kotra kollha tal-poplu kienet qiegħda titlob barra. U deherlu anġlu tal-Mulej, wieqaf in-naħa tal-lemin tal-altar tal-inċens. Żakkarija, malli rah, tħawwad u waqa’ biża’ fuqu. Imma l-anġlu qallu: “Tibżax, Żakkarija, għax it-talba tiegħek instemgħet: martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni. Din tkun għalik ħaġa li tqanqlek bil-ferħ u thennik ħafna, u jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel. Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej; ma jkun jixrob ebda nbid jew xorb qawwi, u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu. Huwa jreġġa’ lil ħafna minn ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom, u hu ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija, biex iraġġa’ l-qlub tal-missirijiet lejn uliedhom, u lil dawk li ma jridux jobdu jreġġagħhom għall-għaqal tal-ġusti, ħalli jlesti poplu mħejji sewwa għall-Mulej”.

 

Imma Żakkarija qal lill-anġlu: “Kif inkun żgur minn dan? Għax jiena raġel xiħ, u marti mdaħħla fiż-żmien”. Wieġeb l-anġlu u qallu: “Jiena Gabrijel, li qiegħed quddiem Alla. Hu bagħatni nkellmek u nwassallek din il-bxara t-tajba. U issa, talli int ma emmintx kliemi, li għad iseħħ meta jasal il-waqt, ara, int tibqa’ mbikkem u ma tkunx tista’ titkellem sa dakinhar li jiġri kulma ħabbartlek”.

 

Sadattant il-poplu kien qiegħed jistenna lil Żakkarija, u kulħadd stagħġeb bid-dewmien tiegħu fis-santwarju. Meta mbagħad ħareġ, ma setax ikellimhom, u ntebħu li kellu xi dehra fis-santwarju. Beda jfehemhom bis-sinjali, u baqa’ mbikkem.

 

Wara li mbagħad għalaqlu ż-żmien tas-servizz tiegħu, raġa’ lura lejn id-dar. Xi żmien wara, martu Eliżabetta nisslet fil-ġuf, u għal ħames xhur sħaħ fittxet li tinħeba min-nies, għax bdiet tgħid: Hekk għamel miegħi l-Mulej, li għoġbu jneħħili minn fuqi l-għajb li kelli quddiem in-nies!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu