Stampa t-test tal-qari ...


It-Tlieta u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Iż-żewġ profeti kienu jaħqru lil min jgħammar fuq l-art.

Apok 11, 4-12

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

 

Jiena, Ġwanni, smajt min jgħidli: “Ara ż-żewġ xhieda tiegħi!”. Dawn huma ż-żewġ siġriet taż-żebbuġ u ż-żewġ kandelabri wieqfa quddiem is-Sid tal-art. Jekk xi ħadd jaqbad biex jagħmlilhom ħsara, joħroġ nar minn fommhom li jibla’ l-għedewwa tagħhom. Jekk xi ħadd ikun irid jagħmlilhom ħsara, hekk ikollu jinqered. Huma għandhom is-setgħa jagħlqu s-sema biex ma tagħmilx xita matul il-jiem li fihom ikunu qegħdin iħabbru; għandhom is-setgħa fuq l-ilmijiet biex ibiddluhom f’demm, u li, kull meta jridu, jidorbu l-art b’kull kastig. U meta jkunu taw ix-xhieda tagħhom, il-Bhima, li titla’ mill-bir bla qiegħ, tagħmlilhom gwerra, tirbaħhom u toqtolhom. U l-ġisem mejjet tagħhom iħalluh fil-pjazza tal-Belt il-Kbira, li jsejħulha b’tixbiha Sodoma u Eġittu, hemm fejn ukoll il-Mulej tagħhom kien imsallab.

 

Xi wħud mill-popli, mit-tribù, mill-ilsna u mill-ġnus joqogħdu għal tlitt ijiem u nofs iħarsu lejn il-ġisem mejjet tagħhom, u ma jħallux li l-iġsma mejta tagħhom jindifnu f’qabar. U dawk li jkunu jgħammru fuq l-art jifirħu u jithennew minħabba fihom, u jagħtu rigali lil xulxin, għax dawn iż-żewġ profeti kienu jaħqru lil min jgħammar fuq l-art.

 

Imma wara tlitt ijiem u nofs daħal fihom spirtu ta’ ħajja, ġej minn Alla, u huma waqfu fuq riġlejhom, u biża’ kbir waqa’ fuq dawk li kienu qegħdin iħarsu lejhom. U semgħu leħen qawwi mis-sema jgħidilhom: “Itilgħu hawn”. U huma telgħu lejn is-sema fi sħaba, u l-għedewwa tagħhom baqgħu jħarsu lejhom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 143 (144), 1.2.9-10

 

R/. (1a): Imbierek il-Mulej, il-blata tiegħi

 

Imbierek il-Mulej, il-blata tiegħi,

li jħarriġli jdejja għat-taqbida

u subgħajja għat-taqtigħa. R/.

 

Tieba tiegħi u qawwa tiegħi,

kenn tiegħi u ħellies tiegħi,

tarka tiegħi, fih jien nistkenn;

hu li jrażżan il-popli taħti. R/.

 

O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek,

fuq arpa ta’ għaxar kordi ngħannihielek.

Int li tagħti r-rebħa lis-slaten,

li teħles lil David, il-qaddej tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 2 Tim 1, 10

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,

u dawwal il-ħajja permezz tal-Evanġelju.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin.

Lq 20, 27-40

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien resqu fuq Ġesù xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh: Mgħallem, Mosè ħallielna miktub: “Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh”. Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal. It-tieni wieħed, u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. Issa din, fil-qawmien tal-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewġuha”.

 

Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewġu u jżewġu; imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewġu u lanqas jiżżewġu. Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet. U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla tal-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb. Issa hu mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix”.

 

Qabżu xi wħud mill-kittieba u qalulu: “Mgħallem, sewwa qiegħed tgħid”. Għax xejn iżjed ma kellhom il-wiċċ jistaqsuh.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu