Stampa t-test tal-qari ...

Għall-Quddies tas-Sibt filgħaxija fittex il-Qari tal-Ħadd minn hawn ...


It-Tmienja u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Meta ma kellu ebda tama, Abraham ittama u emmen.

Rum 4, 13. 16-18

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Għeżież, lil Abraham jew lin-nisel tiegħu l-wegħda li jirtu d-dinja ma saritilhomx permezz tal-Liġi, imma permezz tal-ġustizzja bil-fidi. Għalhekk il-wegħda hi marbuta mal-fidi, biex tkun mogħtija bħala grazzja, u hekk tibqa’ sħiħa għal uliedu kollha, mhux biss dawk li jgħixu bil-Liġi, imma wkoll dawk li jgħixu bil-fidi ta’ Abraham – il-missier tagħna lkoll, skont ma hemm miktub: “Jiena nagħmel minnek missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus” – missierna quddiem Alla li fih hu emmen, li jagħti l-ħajja lill-mejtin, u li jsejjaħ fl-eżistenza lil dak li ma jeżistix.

 

Meta ma kellu ebda tama, Abraham ittama u emmen; u hekk sar missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus, skont ma kien intqal lilu: “Hekk għad ikun in-nisel tiegħek”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 104 (105), 6-7.8-9.42-43

 

R/. (8a): Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu

 

Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,

ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,

Jaħweh hu Alla tagħna!

Mal-art kollha l-ġudizzji tiegħu! R/.

 

Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,

fil-kelma li ta għal elf nisel,

fil-patt li għamel ma’ Abraham,

fil-wegħda li ħalef lil Iżakk. R/.

 

Għax ftakar fil-kelma qaddisa tiegħu,

u f’Abraham, il-qaddej tiegħu.

U ħareġ bil-ferħ lill-poplu tiegħu,

b’għajjat ta’ ferħ lill-magħżulin tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 15, 26b.27a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

L-Ispirtu tal-verità jixhed għalija, jgħid il-Mulej,

u intom ukoll tixhdu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

L-Ispirtu s-Santu jgħallimkom dak il-ħin stess x’għandkom tgħidu.

Lq 12, 8-12

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Ngħidilkom li kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li huwa miegħi, Bin il-bniedem ukoll jistqarr li huwa miegħu quddiem l-anġli ta’ Alla. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien niċħad lilu quddiem l-anġli ta’ Alla.

 

U kull min jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem tinħafirlu; iżda min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jinħafirlux.

 

Meta jeħdukom quddiem is-sinagogi u l-kapijiet u s-setgħat, toqogħdux tħabblu raskom kif sejrin twieġbu jew x’sejrin tgħidu, għax l-Ispirtu s-Santu jgħallimkom dak il-ħin stess x’għandkom tgħidu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu