Stampa t-test tal-qari ...


It-Tmienja u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Il-bniedem hu ġġustifikat permezz tal-fidi mingħajr l-opri tal-Liġi.

Rum 3, 21-30

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Għeżież, issa l-ġustizzja ta’ Alla dehret mingħajr il-Liġi, għad li l-Liġi u l-profeti jixhdu għaliha. U din hi l-ġustizzja ta’ Alla u li Alla jagħti permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu lil dawk li jemmnu, bla ma jagħżel bejniethom. Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja ta’ Alla; għalhekk issa huma jkunu ġġustifikati bil-grazzja tiegħu li jagħtihom minn rajh permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu Ġesù.

 

Lilu Alla qiegħdu sagrifiċċju ta’ tpattija għall-maħfra tad-dnubiet għal dawk li jemmnu bih. U dan bis-saħħa ta’ demmu. B’hekk Alla issa juri l-ġustizzja tiegħu, waqt li fl-imgħoddi għalaq għajnejh għad-dnubiet li saru fi żmien li kien jistabar bihom. Ried, iva, juri l-ġustizzja tiegħu f’dan iż-żmien ħalli juri li hu ġust u jiġġustifika wkoll lil min jemmen f’Ġesù.

 

Biex, mela, jista’ wieħed jiftaħar? Ma hemmx biex. U bis-saħħa ta’ liema liġi? Tal-opri? Le, iżda bis-saħħa tal-liġi tal-fidi. Għax aħna għandna fehma sħiħa li l-bniedem ikun iġġustifikat permezz tal-fidi mingħajr l-opri tal-Liġi.

 

Forsi Alla hu Alla tal-Lhud biss? Mhux tal-pagani wkoll? Iva, tal-pagani wkoll: Alla hu wieħed.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 129 (130), 1-2.3-4b.4ċ-6

 

R/. (7): Għand il-Mulej hemm it-tieba, u l-fidwa għandu bil-kotra

 

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma’, Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa,

jiena u nitolbok bil-ħniena. R/.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej,

Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra,

biex hekk inqimuk fil-biża’ tiegħek. R/.

 

Jien lill-Mulej nistenna,

ruħi f’kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi,

aktar milli l-għassiesa s-sebħ. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 6

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid il-Mulej.

Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Dan in-nisel ikollu jagħti kont ta’ demm il-profeti kollha, ibda mid-demm ta’ Abel sad-demm ta’ Żakkarija.

Lq 11, 47-54

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal: Ħażin għalikom! Intom tibnu l-oqbra tal-profeti li qatlu missirijietkom, u b’hekk tagħtu xhieda ta’ kulma għamlu missirijietkom u turu li taqblu magħhom, għax huma qatluhom u intom tibnulhom l-oqbra. Kien għalhekk li l-Għerf ta’ Alla qal: “Jien nibagħtilhom profeti u appostli, u huma joqtlu u jippersegwitaw lil xi wħud minnhom”.

 

U hekk dan in-nisel ikollu jagħti kont ta’ demm il-profeti kollha li nxtered sa mill-ħolqien tad-dinja, ibda mid-demm ta’ Abel sad-demm ta’ Żakkarija, li qerduh bejn l-altar u s-santwarju. Iva, ngħidilkom, dan in-nisel ikollu jagħti kont!

 

Ħażin għalikom intom l-għorrief tal-Liġi! Intom ħtaftu l-muftieħ tal-għerf, biex imbagħad intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol”.

 

Meta Ġesù ħareġ minn hemm, il-kittieba u l-Fariżej bdew irossuh kemm jifilħu b’mistoqsijiet fuq ħafna ħwejjeġ u jonsbuh biex jaraw jaqbdux xi ħaġa minn fommu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu