Stampa t-test tal-qari ...


L-Erbgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

L-isqof ikun bniedem li ma ssibx xi tgħid fih. Id-djakni għandhom iżommu sħiħ il-misteru tal-fidi b’kuxjenza safja.

1 Tim 3, 1-13

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

 

Għażiż, din hi kelma ta’ min joqgħod fuqha: min jixtieq ix-xogħol ta’ isqof jixtieq xogħol sabiħ. Jeħtieġ, imma, li l-isqof ikun bniedem li ma ssibx xi tgħid fih; li jkun raġel ta’ mara waħda; li jkun meqjus, prudenti, serju; li jilqa’ l-barranin, jaf jgħallem; li ma jkunx mogħti għax-xorb; li ma jkunx vjolenti, imma ġwejjed; li ma jkunx ġellied, anqas rgħib għall-flus; li jkun raġel jaf imexxi tajjeb id-dar tiegħu; u li jżomm lil uliedu fl-ubbidjenza bir-rispett kollu.

 

Għax jekk wieħed ma jkunx jaf imexxi ’l daru stess, kif jista’ jieħu ħsieb il-Knisja ta’ Alla? Ma għandux ikun wieħed li għadu kif tgħammed, li ma jmurx jimtela bih innifsu u hekk jaqa’ fil-kundanna tax-xitan. Għandu jkollu wkoll isem tajjeb mal-barranin, li ma jaqax fl-għajb u jaqa’ fix-xibka tax-Xitan.

 

Hekk ukoll id-djakni: għandhom ikunu nies serji, li ma jilagħbux bil-kliem, ma jkunux mogħtija żżejjed għall-inbid, anqas għall-qligħ baxx tal-flus; għandhom iżommu sħiħ il-misteru tal-fidi b’kuxjenza safja. Dawn ukoll għandhom l-ewwel jgħaddu mill-prova; imbagħad, jekk wieħed ma jsib xejn xi jgħid fihom, ikunu jistgħu jaqdu bħala djakni. Hekk ukoll in-nisa tagħhom għandhom ikunu serji, ma jqassux fuq l-oħrajn, ikunu meqjusa fl-imġiba tagħhom u ta’ min jafdahom f’kollox.

 

Id-djakni jkunu rġiel li ma jkunux miżżewġin ma’ aktar minn mara waħda, u li jkunu jafu jmexxu ’l uliedhom u ’l djarhom sewwa. Għax dawk li jaqdu dmirhom sewwa bħala djakni jiksbu ġieħ għoli għalihom infushom u fiduċja kbira fil-fidi li hi fi Kristu Ġesù.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 100 (101) 1-2ab.2ċd-3ab.5.6

 

R/. (2b): Irrid nimxi b’qalb safja

 

Ngħanni u nxandar it-tieba u l-ġustizzja;

lilek, Mulej, irrid ngħanni.

Irrid nimxi bl-għaqal fit-triq il-perfetta;

meta sa tiġi għandi? R/.

 

Inġib ruħi b’qalb safja

ġewwa dari;

ebda ħaġa ħażina ma nżomm quddiem għajnejja.

Nobgħod ’il min jagħmel il-ħażen,

u ma norbotx qalbi miegħu. R/.

 

Min iqassas bil-moħbi fuq għajru,

lil dan jien neqirdu.

Min għajnejh merfugħa u qalbu mkabbra,

ma nistax inġerrħu. R/.

 

Inżomm għajnejja fuq it-twajbin tal-art,

biex dawn joqogħdu miegħi.

Min jimxi fit-triq il-perfetta,

dan hu li jaqdini. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 7, 16

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Profeta kbir qam fostna,

u, Alla żar il-poplu tiegħu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!

Lq 7, 11-17

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù mar f’belt jisimha Najn, u marru miegħu d-dixxipli tiegħu u kotra kbira ta’ nies. Kif wasal qrib il-bieb tal-belt, kienu qegħdin iġorru wieħed mejjet li ommu, mara armla, ma kellhiex ħliefu; u magħha kien hemm għadd ġmielu ta’ nies mill-belt. Kif raha l-Mulej tħassarha u qalilha: “Tibkix!”. Resaq, u mess it-tebut. Dawk li kienu qegħdin jerfgħuh waqfu. U hu qal: “Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!”. U l-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem. U Ġesù tah lil ommu.

 

In-nies kollha tkexkxu bil-biża’, u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: “Profeta kbir qam fostna”, u: “Alla żar il-poplu tiegħu”. U dan il-kliem li qalu xtered mal-Lhudija u dawk l-inħawi kollha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu