Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħamsa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Min jimxi bl-imgħawweġ jistkerrhu l-Mulej

Prov 3, 27-34

 

Qari mill-Ktieb tal-Proverbi

Ibni:

Min ħaqqu l-ġid tiċħadhulux,

meta dan tista’ tagħmlu.

Tgħidx lil għajrek:

“Mur, u erġa’ ejja; nagħtik għada!”

meta għandek mnejn tagħtih.

Tfassalx il-ħsara kontra għajrek,

hu u jserraħ bit-tama fik.

Titlewwimx ma’ ħaddieħor għal xejn b’xejn,

jekk ma għamillek l-ebda deni.

Tgħirx għall-bniedem vjolenti,

u titħajjarx timxi fuq xi mġiba tiegħu;

għax min jimxi bl-imgħawweġ jistkerrhu l-Mulej,

imma f’idejh huma dawk li jimxu bis-sewwa.

Is-saħta tal-Mulej f’dar il-ħżiena,

imma hu jbierek djar it-tajbin.

Min iżeblaħ lill-oħrajn jistmellu l-Mulej,

imma lit-twajbin jagħtihom il-grazzja.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 14 (15), 2-3ab.3ċd-4ab.5

 

R/. (1b): Mulej, min joqgħod fuq l-għolja mqaddsa tiegħek?

 

Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,

min jgħid is-sewwa f’qalbu;

min ma jqassasx bi lsienu. R/.

 

Min ma jagħmilx deni lil ġaru,

u ma jgħajjarx lil għajru;

min ma jistmax lill-bniedem ħażin,

imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. R/.

 

Min jislef u ma jitlobx imgħax,

u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija.

Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 5, 16

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin,

biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom

u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-musbieħ iqegħduh fuq l-imnara, biex kull min jidħol ġewwa jara d-dawl.

Lq 8, 16-18

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-folla: Ħadd ma jixgħel musbieħ u jgħattih b’għatu jew iqiegħdu taħt sodda, imma jqiegħdu fuq l-imnara, biex kull min jidħol ġewwa jara d-dawl. Għax ma hemm xejn moħbi li ma għadx jidher, u xejn ma hemm mistur li ma għadx jingħaraf u jinġieb għad-dawl. Mela oqogħdu attenti kif tisimgħu! Għax min għandu, jingħatalu; u min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li jaħseb li għandu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu