Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħmistax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Jistenbħu u jgħannu dawk li jgħammru fit-trab.

Is 26, 7-9.12.16-19

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

Wietja hi triq il-ġust, mogħdija dritta tħejji għall-ġust.

Iva, fi triq il-ġudizzji tiegħek nittamaw, Mulej;

għal ismek u tifkirtek tixxennaq ruħna.

Billejl tixtieqek ruħi; mas-sebħ tfittxek ġo fija qalbi.

Għaliex meta jiddu l-ġudizzji tiegħek fuq l-art,

in-nies tad-dinja jitgħallmu l-ġustizzja.

Mulej, int tagħtina s-sliem,

għemilna kollu għamiltu int għalina.

Mulej fid-dwejjaq fittixniek,

sejjaħnielek int u tikkastigana.

Bħal mara tqila fil-ħlas titkagħweġ u tgħajjat bl-uġigħ,

hekk konna aħna quddiemek Mulej.

Tqâlna u tkagħwiġna u wlidna r-riħ;

is-salvazzjoni fuq l-art ma ksibnihiex,

u ma tweldux nies biex jgħammru fl-art.

Għax jgħixu mill-ġdid il-mejtin tiegħek,

il-katavri jqumu lkoll!

Jistenbħu u jgħannu

dawk li jgħammru fit-trab.

In-nida tiegħek hi nida ta’ dawl,

u l-art trodd il-mejtin.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 101 (102), 13-14ab u 15. 16-18. 19-21

 

R/. (20b): Il-Mulej jittawwal mis-sema lejn l-art

 

Int, Mulej, għal dejjem tibqa’;

minn nisel għal nisel it-tifkira tiegħek.

Inti tqum u tħenn għal Sijon,

għax hu ż-żmien u l-waqt li tħenn.

Għax għażiż għall-qaddejja tiegħek il-ġebel tagħha;

tiġihom ħasra mit-trab tagħha. R/.

 

Ħa jkollhom il-ġnus il-biża’ ta’ ismek, Mulej,

u s-slaten kollha tal-art il-biża’ tas-sebħ tiegħek,

meta l-Mulej jerġa’ jibni lil Sijon,

u jidher fis-sebħ tiegħu.

U jisma’ t-talb tal-mitluqin,

ma jistmellx it-talb tagħhom. R/.

 

Jinkiteb dan għan-nisel li għad jiġi,

u poplu ġdid għad ifaħħar lill-Mulej.

Il-Mulej iħaresl isfel mill-għoli tas-santwarju tiegħu,

u jittawwal mis-sema lejn l-art,

biex jisma’ l-krib tal-ilsiera,

biex jeħlesil dawk li huma għall-mewt. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 11, 28

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,

u jiena nserraħkom, jgħid il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jiena ta’ qalb ħelwa u umli.

Mt 11, 28-30

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu