Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa
Qari I
Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.
2 Kor 9, 6-11
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, jien dan ngħid: min jiżra’ ftit, jaħsad ftit; u min jiżra’ ħafna, jaħsad ħafna. Kull wieħed għandu jagħti skont ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.
Alla mbagħad għandu l-ħila jfawwarkom b’kull xorta ta’ barka, hekk li dejjem u f’kollox ikollkom kulma hu biżżejjed għalikom, u jibqgħalkom ukoll għal kull opra tajba. Bħalma hu miktub: “Huwa qassam bil-kotra u ta lill-fqar; il-ġustizzja tiegħu tibqa’ għal dejjem”.
Dak li, lil min jiżra’ jagħtih iż-żerriegħa u l-ħobż għall-ikel, jagħti u jkattar iż-żerriegħa lilkom ukoll, u jżid il-frott tal-ġustizzja tagħkom. U intom tistagħnu b’kull ġid, ħalli turu kull xorta ta’ ġenerożità li biha, permezz tagħna, jitla’ innu ta’ radd il-ħajr quddiem Alla.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 111 (112), 1-2. 3-4. 9
R/. (1a): Hieni l-bniedem li jibża’ mill-Mulej
Hieni l-bniedem li jibża’ mill-Mulej,
li jitgħaxxaq ħafna bil-kmandamenti tiegħu!
Setgħan fuq l-art ikun nislu;
nisel it-tajbin ikun imbierek. R/.
Ġid u għana jkunu f’daru;
għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu.
Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin;
twajjeb u ħanin il-bniedem sewwa. R/.
Iqassam u jagħti lill-foqra;
għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu;
rasu merfugħa bil-ġieħ. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 14, 23
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej,
u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.
Mt 6, 1-6.16-18
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fissmewwiet.
Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.
U meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis-sinagogi u f’salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.
Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu