Stampa t-test tal-qari ...


Il-Ħames Ġimgħa tal-Għid

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna li aħna ma għandna ngħabbukom b’ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ.

Atti 15, 22-31

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, l-appostli u l-presbiteri, flimkien mal-Knisja kollha, dehrilhom li kellhom jagħżlu lil xi wħud minnhom u jibagħtuhom Antjokja ma’ Pawlu u Barnaba. Dawn kienu Ġuda, jgħidulu Barsaba, u Sila, li kienu minn ta’ quddiem fost l-aħwa.

 

U bagħtu magħhom din l-ittra: “L-appostli u l-presbiteri, ħutkom, lill-aħwa ta’ Antjokja, tas-Sirja u taċ-Ċiliċja, li ġew mill-ġnus; is-sliem għalikom! Aħna smajna li xi wħud min-nies tagħna, mingħajr ebda ordni tagħna, ġew ħawdukom u qallbulkom moħħkom bi kliemhom. Għalhekk aħna qbilna lkoll bejnietna u dehrilna li kellna nagħżlu lil xi wħud u nibagħtuhom għandkom flimkien mal-għeżież tagħna Barnaba u Pawlu, nies li ddedikaw ħajjithom għall-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk bgħatnielkom lil Ġuda u ’l Sila, biex jgħidulkom bi kliemhom l-istess ħaġa. Għax lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna li aħna ma għandna ngħabbukom b’ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ, jiġifieri, li titbiegħdu mill-ikel issagrifikat lill-idoli, mid-demm, mil-laħam tal-annimali fgati u miż-żwieġ ħażin. Tagħmlu tajjeb jekk tħarsu rwieħkom minn dawn. Saħħa!”.

 

Għalhekk dawn il-messaġġiera niżlu Antjokja, laqqgħu l-ġemgħa u tawhom l-ittra, qrawha, u ferħu għall-faraġ li tathom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 56 (57), 8-9.10-12

 

R/. (10a): Infaħħrek, Sidi, fost il-popli

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Sħiħa qalbi, o Alla, sħiħa qalbi;

ħa ngħanni u ninseġ għanja:

Qum, ruħ tiegħi,

qum, arpa u ċetra!

Ħa nqajjem sbiħ il-jum. R/.

 

Infaħħrek, Sidi, fost il-popli,

ngħannilek fost il-ġnus;

għax m’ogħla s-smewwiet it-tieba tiegħek,

sas-sħab il-fedeltà tiegħek.

Ogħla ’l fuq mis-smewwiet, o Alla!

Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 15, 15b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Sejjaħtilkom ħbieb, jgħid il-Mulej;

għaliex kulma smajt mingħand Missieri

jiena għarrafthulkom.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin.

Ġw 15, 12-17

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom. Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu