Is-Sitt Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta
Qari I
Inqaċċat minn wiċċ l-art il-bniedem li jien ħlaqt.
Ġen 6, 5-8; 7, 1-5.10
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Il-Mulej ra li l-ħażen tal-bniedem kien kiber fuq l-art; u f’qalbu ma kienx għajr li jfassal il-ħażen il-jum kollu. U l-Mulej sogħob bih li kien għamel il-bniedem fl-art; u sewwed qalbu. U l-Mulej qal: “Inqaċċat minn wiċċ l-art il-bniedem li jien ħlaqt, mill-bniedem sal-bhejjem, mill-ħlejjaq li jitkaxkru fl-art sat-tjur tal-ajru, għax jien sogħbien li għamilthom”. U Noè sab ħniena quddiem il-Mulej.
U l-Mulej qal lil Noè: “Idħol int, u darek kollha fl-arka, għax quddiemi jiena lilek sibt ġust fost in-nies ta’ dan iż-żmien. Mill-bhejjem kollha safjin daħħal miegħek seba’ pari, kull par ir-raġel u l-mara tiegħu. U mill-bhejjem li mhumiex safjin par wieħed, ir-raġel u l-mara. U mit-tjur tal-ajru wkoll daħħal seba’ pari, kull par ir-raġel u l-mara, biex jibqa’ nisel fuq l-art kollha. Għax minn hawn u sebat ijiem oħra se nibgħat xita fuq l-art għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u neqred mill-wiċċ kollu tal-art kull ħliqa li jien għamilt”. U Noè għamel skont ma ordnalu l-Mulej. U malli għaddew is-sebat ijiem beda nieżel l-ilma tad-dilluvju fuq l-art.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 28 (29), 1a u 2.3aċ-4.3b u 9b-10
R/. (11b): Il-Mulej ibierek bis-sliem il-poplu tiegħu
Agħtu lill-Mulej, ulied Alla,
agħtu lill-Mulej glorja u qawwa.
Agħtu lill-Mulej il-glorja ta’ ismu,
qimu l-Mulej fl-għamara mqaddsa tiegħu. R/.
Leħen il-Mulej fuq l-ibħra;
il-Mulej fuq l-ibħra kotrana.
Leħen il-Mulej bil-qawwa,
leħen il-Mulej bil-glorja. R/.
Leħen il-Mulej iżarma l-foresti;
u fit-tempju tiegħu kulħadd jgħid: “Glorja!”
Il-Mulej jaħkem fuq l-għargħar;
isaltan il-Mulej għal dejjem. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 14, 23
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej
u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira ta’ Erodi.
Mk 8, 14-21
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, id-dixxipli nsew jieħdu l-ħobż, u ma kellhomx ħlief ħobża waħda magħhom fid-dgħajsa. Ġesù wissiehom u qalilhom: “Iftħu għajnejkom, oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira ta’ Erodi!”. Huma bdew jgħidu bejniethom: “Dan għax m’għandniex ħobż”.
Ġesù induna u qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom li ma għandkomx ħobż? Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? X’ebusija ta’ ras għandkom? Għandkom għajnejn u ma tarawx, għandkom widnejn u ma tisimgħux? Ma tiftakrux meta qassamt il-ħames ħobżiet bejn il-ħamest elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu mimlija bil-bċejjeċ li kien fadal?”. Qalulu: “Tnax”.
“Meta qassamt is-seba’ ħobżiet bejn l-erbat elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu bil-bċejjeċ li kien fadal?”. Qalulu: “Sebgħa”. “U għadkom ma fhimtux?”, qalilhom.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu