Stampa t-test tal-qari ...


Id-Disgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Kristu hu s-sliem tagħna, hu, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed.

Efes 2, 12-22

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

 

Ħuti, ftakru li f’dak iż-żmien kontu mingħajr Kristu; kontu barra miċ-ċittadinanza ta’ Iżrael, barranin għall-Patt tal-wegħda; kontu bla tama u bla Alla fid-dinja! Imma issa, fi Kristu Ġesù, intom, li darba kontu ’l bogħod, issa tqarribtu bis-saħħa tad-demm ta’ Kristu. Kristu hu s-sliem tagħna, hu, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna - il-mibegħda ta’ bejnietna – u ħassar bis-sagrifiċċju ta’ ġismu l-Liġi bil-kmandamenti u l-preċetti tagħha. Mit-tnejn, ried b’hekk joħloq bih innifsu bniedem wieħed, il-bniedem il-ġdid, billi jagħmilhom paċi t-tnejn bejniethom u jħabbibhom it-tnejn ma’ Alla f’ġisem wieħed permezz tas-salib li bih qered il-mibegħda ta’ bejniethom. Imbagħad ġie jħabbar is-sliem, sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u sliem lil dawk li kienu fil-qrib. Permezz tiegħu, it-tnejn li aħna għandna bi Spirtu wieħed id-dħul għal għand il-Missier.

 

Għalhekk ma għadkomx aktar barranin u frustieri, imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla, mibnija lkoll fuq is-sisien tal-appostli u tal-profeti, fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka. Fih il-bini kollu jintrabat sewwa, jitla’ f’tempju qaddis fil-Mulej; fih, intom ukoll fl-Ispirtu, tinbnew flimkien f’dar fejn jgħammar Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 84 (85), 9ab-10.11-12.13-14

 

R/. (ara 9): Il-Mulej is-sliem ixandar, għall-poplu tiegħu

 

Ħa nisma’ xi jgħid Alla;

il-Mulej is-sliem ixandar

Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu għal dawk li jibżgħu minnu,

biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.

 

It-tieba u l-fedeltà jiltaqgħu,

il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.

Il-fedeltà mill-art tinbet,

u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.

 

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,

u artna tagħti l-frott tagħha.

Il-ġustizzja quddiemu timxi,

u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 21, 36

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu,

biex tkunu tifilħu tieqfu quddiem Bin il-bniedem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru!

Lq 12, 35-38

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih.

 

Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu