Stampa t-test tal-qari ...


L-Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Wilditni bniedem ġellied, li għandu xi jgħid mal-pajjiż kollu. (Ġer 15, 10)

Ġer 38, 4-6. 8-10

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

 

F’dak iż-żmien, il-prinċpijiet marru jgħidu lis-sultan: “Ħalli jiġi maqtul Ġeremija, għax b’dan il-kliem li qiegħed jgħidilhom qiegħed jaqta’ qalb is-suldati li fadal f’din il-belt u qalb il-poplu kollu. Tassew, bniedem bħal dan mhuwiex ifittex il-ġid ta’ dan il-poplu, imma l-qerda tiegħu”. U s-sultan Sedekija qalilhom: “Araw, f’idejkom, hu! Għax is-sultan ma jista’ jagħmel xejn magħkom”.

 

U ħadu lil Ġeremija u xeħtuh fil-bir ta’ Malakija, bin is-sultan, li kien fil-bitħa tal-għassa; imbagħad lil Ġeremija niżżluh bil-ħbula f’dan il-bir; ilma ma kienx fih, imma ħama biss; u Ġeremija għodos fil-ħama.

 

Għebed-melek ħareġ mill-palazz tas-sultan, mar ikellmu u qallu:Sidi s-sultan, dawn in-nies ġiebu ruħhom ħażin f’kulma għamlu lil Ġeremija, il-profeta, li xeħtuh fil-bir, u dalwaqt imut bil-ġuħ, għax ma baqax ħobż fil-belt”. Is-sultan imbagħad ordna lil Għebed-melek, il-Kusi, u qallu: “Ħu miegħek tlitt irġiel minn dawn u mur tella’ lil Ġeremija, il-profeta, mill-bir, qabel ma jmut”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 39 (40), 2.3.4.18

 

R/. (14b): Mulej, fittex għinni.

 

Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;

hu niżel ħdejja

u sama’ l-għajta tiegħi. R/.

 

Minn bir waħxi tellagħni,

minn qalb il-ħama u t-tajn;

fuq il-blat qegħedli riġlejja,

u saħħaħli l-mixi tiegħi. R/.

 

Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,

għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna.

Ħafna jaraw u jimtlew bil-biża’ tiegħu,

u jittamaw fil-Mulej. R/.

 

Jien, fqajjar u msejken,

għandi ’l Sidi jaħseb fija.

Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi;

iddumx ma tgħinni, Alla tiegħi! R/.

 

Qari II

B’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna.

Lhud 12, 1-4

 

Qari mill-Ittra lil Lhud

 

Ħuti, ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira ta’ xhieda, ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna.

 

Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla.

 

Aħsbu mela fih, li qagħad għal oppożizzjoni hekk kbira min-naħa tal-midinbin, biex ma tegħjewx u ma taqtgħux qalbkom. Sa issa fil-ġlieda tagħkom kontra d-dnub, għad ma żammejtux hekk iebes li wasaltu biex xerridtu demmkom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej;

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġejt inġib mhux il-paċi fid-dinja, imma l-firda.

Lq 12, 49-53

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ! Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda; għax mil-lumil quddiem ħamsa minn nies f’dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta; jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu