Stampa t-test tal-qari ...


Id-Dsatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Jien ħadt lil missierkom Abraham min-naħa l-oħra tax-xmara; u mbagħad ħriġtkom mill-Eġittu; u tajtkom l-art.

Ġożwè 24, 1-13

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè

 

F’dak iż-żmien, Ġożwè ġema’ t-tribujiet kollha ta’ Iżrael f’Sikem u sejjaħ lix-xjuħ, lill-kapijiet, lill-imħallfin, lill-uffiċjali u resqu quddiem Alla. U Ġożwè qal lill-poplu kollu: “Dan qal il-Mulej Alla ta’ Iżrael: “Missirijietkom, Teraħ missier Abraham u missier Naħor, sa minn żmien il-qedem kienu jgħammru n-naħa l-oħra tax-xmara u jaqdu allat oħra. Jien ħadt lil missierkom Abraham min-naħa l-oħra tax-xmara u għaddejtu mill-art kollha ta’ Kangħan u kattartlu nislu, u tajtu lil Iżakk. Lil Iżakk tajtu ’l Ġakobb u ’l Għesaw; u lil Għesaw tajtu l-muntanja ta’ Xegħir biex tkun tiegħu; u Ġakobb u wliedu niżlu l-Eġittu.

 

U bgħatt lil Mosè u lil Aron u drabt lill-Eġittu b’kulma għamiltlu f’nofsu, u mbagħad ħriġtkom minn hemm, u ħriġt lil missirijietkom mill-Eġittu, u wassaltkom sa ħdejn il-baħar, u l-Eġizzjani għamlu għal wara missirijietkom bil-karrijiet u ż-żwiemel sal-Baħar tal-Qasab.

 

U għajtu lill-Mulej, u l-Mulej tafa’ dlam bejnkom u bejn l-Eġizzjani, u ġibt fuqhom il-baħar li għattiehom. Rajtu b’għajnejkom x’għamilt fl-Eġittu. Imbagħad intom domtu żmien twil fid-deżert.

 

Wassaltkom fl-art tal-Amurrin, li kienu jgħixu n-naħa l-oħra tal-Ġordan, u dawn ħabtu għalikom, u jien erħejthom f’idejkom u writtu arthom, u jiena qridthom minn quddiemkom.

 

Qam Balak bin Siffur, sultan ta’ Mowab, u ħabat għal Iżrael, u bagħat isejjaħ lil Bagħlam bin Begħor biex jisħetkom. Imma jien ma ridtx nisma’ lil Bagħlam u kellu jberikkom u ħlistkom minn idejh. U intom qsamtu l-Ġordan u ġejtu sa Ġeriko, u ħabtu għalikom in-nies ta’ Ġeriko, l-Amurrin, il-Periżżin, il-Kangħanin, il-Ħittin, il-Ġirgasin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin, u rħejthom f’idejkom. U bgħatt quddiemkom iż-żnażan, u dawn, u mhux ix-xabla jew il-qaws tiegħek, keċċewhom minn quddiemkom, lilhom u ż-żewġ slaten tal-Amurrin.

 

U tajtkom art li qatt ma ħdimtu, u bliet li qatt ma bnejtu, u għammartu fihom; kiltu mill-oqsma tad-dwieli u taż-żebbuġ li intom ma ħawwiltux”.“

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 135 (136), 1-3.16-18.21-22 u 24

 

R/. (1a): Għax għal dejjem it-tieba tiegħu

 

Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb,

roddu ħajr lil Alla fuq l-allat,

roddu ħajr lis-Sid tas-sidien. R/.

 

Hu mexxa fid-deżert il-poplu tiegħu,

xejjen slaten qawwija,

qered slaten kbar. R/.

 

U l-art tagħhom qassamha b’wirt,

b’wirt lil Iżrael, qaddej tiegħu.

Ħelisna mill-għedewwa tagħna. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 1 Tess 2, 13

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma ta’ Alla lqajtuha mhux bħala kelma ta’ bniedem,

iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kien minħabba l-ebusija ta’ qalbkom li Mosè takom il-permess tibagħtu n-nisa tagħkom. Iżda ma kienx hekk mill-bidu.

Mt 19, 3-12

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, resqu fuq Ġesù xi Fariżej biex iġarrbuh, u qalulu: “Jista’ wieħed jitlaq lil martu fuq xi ħaġa, tkun xi tkun?”. Iżda hu qalilhom: “Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara, u qal: “Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed?”. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”.

 

Qalulu: “Mela allura għaliex ordna Mosè li żewġha jagħtiha l-kitba tad-divorzju u jibgħatha?”. Qalilhom: “Kien minħabba l-ebusija ta’ qalbkom li Mosè takom il-permess tibagħtu n-nisa tagħkom. Iżda ma kienx hekk mill-bidu. U ngħidilkom, li min jibgħat lil martu – barra l-każ ta’ żwieġ ħażin – u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju”.

 

Qalulu d-dixxipli: “Mela ladarba din hi l-kondizzjoni tar-raġel mal-mara, ma jaqbilx li wieħed jiżżewweġ”. Iżda hu qalilhom: “Mhux kulħadd jifhimha din il-ħaġa, imma dawk li lilhom jingħata li jifhmuha. Hemm ewnuki li jitwieldu hekk minn ġuf ommhom, oħrajn jagħmluhom hekk in-nies, u hemm oħrajn li jsiru hekk minn rajhom minħabba s-Saltna tas-Smewwiet. Min jista’ jifhem, jifhem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu