Stampa t-test tal-qari ...

Għall-Quddies tas-Sibt filgħaxija fittex il-Qari tal-Ħadd minn hawn ...


Ir-Raba Ġimgħa tal-Għid

Is-Sibt

 

Qari I

Aħna se nduru fuq il-pagani.

Atti 13, 44-52

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

Is-Sibt ta’ wara, tista’ tgħid il-belt ta’ Antjokja kollha nġabret biex tisma’ l-kelma tal-Mulej. Il-Lhud, meta raw il-folol, imtlew bl-għejra u bdew imieru lil Pawlu u jidgħulu. Imma Pawlu u Barnaba bil-kuraġġ kollu qalu: “Hekk kien meħtieġ, li l-kelma ta’ Alla titħabbar lilkom l-ewwel. Billi intom qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja ta’ dejjem, aħna se nduru fuq il-pagani. Għax hekk ordnalna l-Mulej: “Jien għamiltek dawl tal-ġnus, biex twassal is-salvazzjoni sa truf l-art”.

 

Il-pagani, meta semgħu dan, bdew jifirħu u jigglorifikaw il-kelma tal-Mulej, u dawk kollha li kienu magħżula għall-ħajja ta’ dejjem emmnu. Hekk il-Kelma tal-Mulej baqgħet tixtered mal-art kollha. Imma l-Lhud xewxu n-nisa twajba u magħrufa u wkoll il-kbarat tal-belt, u qajmu persekuzzjoni kontra Pawlu u Barnaba u keċċewhom ’il barra minn arthom. Huma farfru għal fuqhom it-trab minn ma’ riġlejhom u marru Ikonju. Iżda d-dixxipli mtlew bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4

 

R/. (3ċd): L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

 

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tieba u l-fedeltà tiegħu

mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

 

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 8, 31b-32

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi,

tkunu tassew dixxipli tiegħi, jgħid il-Mulej, u tagħrfu l-verità.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Min ra lili ra lill-Missier.

Ġw 14, 7-14

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri. Minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi diġà rajtuh”. Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”. Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli: “Urina l-Missier”? Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu. Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess.

 

Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier. U jekk titolbu xi ħaġa f’ismi jiena nagħmilha, biex il-Missier ikun igglorifikat permezz ta’ Ibnu. Iva, jekk titolbuni xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu